21
Mar
06

Ir-Rit tar-Rebbiegħa


Dalgħodu qomt kmieni apposta biex nitfa’ r-Rit tar-Rebbiegħa ta’ Igor Stravinski fl-istereo. Ritwal antik dan tiegħi, li jseħħ kull bidu tar-rebbiegħa. Meta kont għadni nippreżenta l-programm tiegħi ta’ mużika klassika tas-seklu 20 fuq ir-Radju Bronja (Requiescant in Pacem) kont ninkludi mqar silta minn dan il-kapulavur kull 21 ta’ Marzu: merħba tant poetika għall-istaġun tal-poeti.

La qed insemmi l-poeti forsi tajjeb li wieħed ifakkar li l-UNESCO tiċċelebra Jum il-Poeżija propju bħal-lum. Għaldaqstant xtaqt nagħti omaġġ lill-poeti… għax inħobbhom, għax inħobb dak li jagħmlu meta jkunu fil-vena li jaħlu l-ħin. U għażilt li ntella’ żewġ poeżiji ta’ kittieba li nistima ħafna propju biex niċċelebra jien ukoll dan Jum il-Poeżija fuq il-Blobb tas-Sibt Filgħaxija.

LONDON BY NIGHT

Adrian Grima
London by night,
il-gozz ħwejjeġ, il-kartun li rajt;
il-ftit kliem bis-sens, bl-ispirtu,
li smajt;
il-ħalfa sigrieta li ħlift
li qatt ma nerġa’ nagħmel
London by night.
Landin taċ-ċajt,
li tħallik ixxomm l-alkoħol ta’ mnifsejha baj najt,
li tħallik tisker bil-kesħa taħt ħajt;
li meta ssejħilha tinjorak u tibqa’ fejn bqajt.
Landin orrajt.
Issa jien qiegħed hawn
taħt das-saqaf inserraħ mal-ħajt;
u dawk l-uċuħ imgerfxin saru attrazzjanonijiet
fuq London by night.

DELIMARA
Daniel Massa
Firxu bl-imqieta s-sajjieda
l-kannizzati tal-jablite
f’serje ta’ paraboli ferrxu konz u elf sunnara
biex jistadu l-orizzont
bi dritt il-linji tal-lampuki
żlaqt ħafif
bħal minn ġuf ommi għal saqajja
minn fuq l-alka għal taħt il-blat
għax smajt l-għanja tas-sireni
biex il-ħut fiddien nistad
u maċ-ċeren ninżel ngħarrex
fond il-fond fejn għajn ma rat
u bqajt ħiereġ, nieżel,
ħiereġ
wara l-fanfru bluċerkjat
war’elf ħuta w blat imqarnat
ħaxix jiżfen tiela’ jiżfen
sa ma jsaħħar il-lampuki taħt il-jablite
illuppjat
u għidt f’qalbi
hawn kont diġa’
- qabel ġarrabt il-fsieqi ta’ ġensi
- qabel għalaqt it-twieqi ta’ wensi
- qabel ombrajt l-għekiesi
ta’ niesi
qalb id-dell tal-kannizzati kont diġa’
forsi mrekken mal-koralli
fi spiralli stalaktiti ma’ l-artikli kuluriti
sekli ilu kont
diġa’
bla bombli ta’ l-arja ma’ dahri
bla majka ma’ wiċċi
w ħadida ppuntata f’idejja
nniffed ħuta f’denfilara
qalb il-blat ta’ Delimara
kont diġa’
u meta jispiċċa l-ossiġenu
kważi, kważi
nista’ nibqa’
għax f’dawn l-ibħra, qalb din l-alka
kont diġa’.
PS: U min kiteb li l-kittieba Maltin huma over-rated, imur jitgħallem jaqra.

10 Responses to “Ir-Rit tar-Rebbiegħa”


  1. 1 Antoine Cassar
    21 March, 2006 at 11:43 pm

    Nissekonda l-mozzjoni (u l-emozzjoni).

    Saret l-awtospja
    fuq il-poeta w sabu
    qalbu maqsuma.

    Oliver Friggieri

  2. 2 Roderick Mallia
    22 March, 2006 at 7:00 pm

    Il-kittieba Maltin over-rated? Għandna xorti jekk hawn erba’ kittieba li jieħdu mqar nitfa apprezzament ta’ dak li jagħmlu, aħseb u ara kemm hawn min jagħtihom ġieħ iktar milli ħaqqhom!

    U kif qiegħed hawn, nixtieqlek il-festa t-tajba (avolja ġurnata tard). Nittama wkoll li jkollok ħafna iktar ħin x’taħli ;)

    (U kemm hi tajba London by night hux? Insomma, Rakkmu kollu kemm hu affaxxinani…)

  3. 3 Roderick Mallia
    22 March, 2006 at 7:02 pm

    PS. U r-”Rit tar-Rebbiegħa” ta’ Stravinsky sublimi!

  4. 4 Erezija
    23 March, 2006 at 7:50 am

    biex ma nispiċċax fuq xi black list jew xi ħaġa simili – Delimara poeżija kbira.

  5. 5 Guze' Stagno
    23 March, 2006 at 6:26 pm

    Gieli smajtuha ta’ Anton Buttigieg?

    Dak mid-dehra kellu ‘wiehed’ imperjali – ic-cajta rikorrenti kienet li, peress li fi zmienu kien pulizija, meta spicca mis-servizz nesa jirritorna l-lembuba…

    ..fi kliem iehor: Buttigieg kien poeta ‘imperjali’!

    (tajba bhala addendum ghall-Qawsalla din eh?)

  6. 6 Paul Cacciottolo
    4 April, 2006 at 3:35 pm

    Delimara… xi gmiel ta poezija.
    Viva il-qawsalla: introduzzjoni bazika, pero wahda li fethitli ghajnejja.

  7. 7 wwwitchie
    7 April, 2006 at 6:12 pm

    You might like to know (even for posterity and for future biographies etc) that you are being a great influence… apart from finally finishing Kimika and loving it (and I’ve already told you all about that) I went out and bought the Rite of Spring and rented the first three films of Dekalog… simply took your word for it ;)

  8. 8 wwwitchie
    8 April, 2006 at 9:11 pm

    I thought Three Colours were brilliant but yeah I hadn’t seen Dekalog… I’ve only seen 1 so far too and I’m already hooked.

    (Int ghadek haj? Xi linja ‘l hawn jew ‘l hemm mhux se tehodlok wisq hin ta :) Biex ikolli x’naqra waqt li nserrah saqajja fil-foot spa.)

  9. 9 Antoine Cassar
    9 April, 2006 at 6:09 am

    Biex ikolli x’naqra waqt li nserrah saqajja fil-foot spa

    Tajba din!! Sharon, jekk ma qrajthiex diġà, aqbad il-ktieb Km. Il-bieraħ erġajt qrajt l-ewwel poeżija (Ftit Weraq minn Praga) u jkolli ngħid li għalkemm ġeneralment ma tantx jogħġbuni l-poeżiji twal bil-vers imħallat mal-proża, kont ilni ma naqra poeżija b’sens daqshekk qawwi ta’ kompletezza u ta’ għeluq. F’test wieħed issib in-nostalġija, l-omaġġ lil kittieba oħra, il-malinkonija, il-ħarsa ċinika imma serena lejn is-soċjetà, l-imħabba u l-umoriżmu, l-analiżi kritika, in-niket… lanqas għandek bżonn album ta’ ritratti, taqra l-poeżija u tara l-belt ta’ Praga quddiemek, fil-maestà u fil-miżerja kollha tagħha.

    Lill-Immanuel poeta: grazzi


Leave a Reply




Il-Kalendarju

March 2006
M T W T F S S
« Feb   Apr »
 12345
6789101112
13141516171819
20212223242526
2728293031  

L-Arkivji

Pages