12
May
07

Push the Button

Ħarabank

Lanqas jitwemmnu l-affarijiet li jidhru fuq it-televixin nazzjonali. Il-bassezzi li waqa’ fihom, permezz ta’ programmi bħal Xarabank, ifakkruk biss f’meta l-istess stazzjon kien qam filgħodu kmieni jdoqq “Run, Rabbit, Run” biex izik lil Fenech Adami li kien għadu kif tilef elezzjoni ġenerali b’maġġoranza ta’ 51% tal-voti. Dakinhar ħafna nies qarrsu wiċċhom għall-”bad taste” fix-xandiriet; illum, anki jekk mhux l-istess livell ta’ bassezzi, għandna sitwazzjoni fejn l-aktar programm redikolu li jxandar it-TVM huwa l-aktar programm segwit. U dan, naħseb jien, jikxef sintomi strambi fil-poplu li daħal fl-Ewropa li għadu mhux ċert jappartjenix għaliha.

Live minn Ħal Qormi u Ħelsinki

Mela kien hemm kantanta minn Ħal Qormi li marret tkanta Ħelsinki. Kellha kanzunetta li ħafna qalu li kienet sabiħa, oħrajn qalu li kienet hekk u hekk u xi wħud qalu li kienet kerha. Issa din il-kantanta ħadmet ħafna biex il-pajjiż li rrappreżentat (il-pajjiż li investa fiha eluf ta’ liri biex tkun tista’ tmur tkanta Ħelsinki) jgħaddi mis-semi-finali, imma din il-missjoni falliet. Naħseb li din hi xiħaġa minn ewl id-dinja: jekk qiegħed tikkompeti tista’ tirbaħ, tista’ titlef. Kollox sew, kien hemm ħafna li ħassewhom iddiżappuntati għax ippretendew (bħalma jagħmlu kull santissma sena) li l-kanzunetta Maltija (kantata bl-Ingliż) kellha mhux biss tgħaddi għall-finali, imma kellha tirbaħ l-istess finali wkoll. Kollox sew, hija xiħaġa naturali li jekk ikollok fiduċja fik innifsek, li jekk tgħożż daqstant il-kultura ta’ pajjiżek, li jekk tħobb daqstant lil pajjiżek, tħossok iddiżappuntat. Imma dak li deher fuq il-programm Xarabank l-għada ta’ din it-telfa, kien taħlita ta’ isteriżmu patetiku ma’ dak grottesk li fakkar li xi wħud li l-parrokkjaliżmu għadu verita’ sagrosanta f’Malta. Sa s-Sindku ta’ Ħal Qormi mar iċapċap mat-temp tal-banda ddoqq id-diska t-telliefa. Is-Sindku! U m’għandniex xi ngħidu kien hemm ukoll il-kandidati prospettivi: anzi, kienu fuq quddiem nett.

Xi ntqal, x’ma ntqalx

Intqal li kien hemm blockvote mill-pajjiżi “tal-lvant”, għax dawn pajjiżi ġirien. Sirt naf li s-Slovenja u t-Turkija huma ġirien. Ara r-Repubblika Ċeka, miskina, dik m’għandhiex ġirien u għax m’għandhiex ġirien il-kanzunetta tagħha ma għaddietx għall-finali lanqas.

Ma ntqalx, pereżempju, li jeżisti fenomenu soċjali li jiddetta l-prossimita’ kulturali. Li pajjiż “tal-lvant” se jħossu aktar kulturalment viċin ta’ pajjiż ieħor “tal-lvant”, u li l-idjoma mużikali ta’ pajjiż “tal-lvant” se tinftiehem u tiġi apprezzata minn pajjiż ieħor “tal-lvant” aktar minn idjoma “oħra”. Il-kanzunetta Maltija, forsi, kienet tieħu ħafna aktar voti kieku ċ-Ċina kienet qiegħda tikkompeti. Min jaf?

Intqal li “dawn ma jniżżluniex lilna l-Maltin.” Jekk “dawn” huma l-istess Ewropej “tal-Lvant”, allura forsi jkun xokk akbar jekk wieħed jikkonsidra li ħafna minn dawn l-Ewropej “tal-Lvant” mhux żgur jafu fejn tiġi Malta, aħseb u ara kemm “ma jniżżluniex”. Bħas-soltu, il-messaġġ ewlieni li ħareġ f’Xarabank – il-programm li suppost jeduka lill-poplu b’mod demokratiku, kien li Malta hija ċ-ċentru ta’ l-Ewropa u allura hemm min jgħir għalina.

Il-blockvote. Ejja nassumu li verament kien hemm blockvote… biex għandna nitkażaw, meta l-votazzjonijiet kollha fil-festivals tal-kanzunetta Maltija għall-Ewropa kienu blockvote tant ovvju? Jew issa s-sistema tal-votazzjoni – issa – m’għadhiex tajba?

Intqal ukoll li Malta – MALTA – qamet maħsuda l-għada tas-semifinali. Dan id-diskors ukoll idejjaq lil xi nies: lili pereżempju. Jien ma qomtx maħsud u safejn naf jien, fortunatament jew le, nagħmel parti minn din Malta. L-użu ikrah ta’ dan il-kollettiv mhux biss jurta lil dak li jkun, imma huwa inġust u żbaljat. “Ħafna Maltin” jew “Il-Maġġoranza tal-Maltin qamu maħsuda l-għada tas-semifinali” kien ikun titlu ferm aktar veru.

Intqal li l-performance Maltija kienet impekkabbli. Veru? Jien miniex ta’ l-istess opinjoni. Kien hemm żeffien idur qisu ċippitatu jxejjer velu abjad; vjolinist jagħmel l-istess mingħajr m’hu ċert minn dak li qed jagħmel u għala qiegħed jagħmlu; is-soltu klixe’ bl-użu ta’ l-imriewaħ … x’konna qegħdin nagħmlu jew nippruvaw nagħmlu fuq il-palk? Jista’ xiħadd jgħidli liema performer professjonali jibdel l-idea ta’ xi rtokk għandu jagħmel ma’ wiċċu siegħa qabel joħroġ fuq il-palk? Imbagħad il-kantanta … jien jidhirli li lanqas l-interpretazzjoni ma kienet eċċellenti; pereżempju n-noti akuti ma kellhomx l-istess saħħa tal-verżjoni rrikordjata.

Imma fuq Xarabank ħadd ma qalu dan id-diskors. Ma tarax! Mela Xarbank se jagħmel xiħaġa simili? Minflok, Xarabank beda jħeġġeġ lin-nies biex il-Ħadd fis-siegħa neqsin kwart kulħadd jitla’ bi ħġaru lejn l-airport biex … biex xiex? Nilqgħu fostna trupp li lanqas għadda għall-finali. Imma minħabba li aħna konvinti li hemm blockvote kontrina, li hemm dawk il-misħutin “tal-Lvant” li ma jniżżluniex, minħabba li Alla seħitna għax ma taniex ġirien, aħna kellna ngħaddu u m’għaddejniex għax tajbin wisq għall-bqija.

Id-diżappunt
Id-diżappunt tiegħi huwa li l-pajjiż reġa’ nefaq eluf kbar ta’ liri biex intellgħu trupp għal festival li sar id-daħqa ta’ kulħadd – minbarra ta’ dawk li filwaqt li jgħidu li ma jeħduhx bis-serjeta’ issibhom hemm bl-id tag daqs dinja fuq sidirhom. Id-diżappunt tiegħi hu li għadna nemmnu li din hija xi okkażjoni importanti fejn il-pajjiż jieħu exposure madornali u li grazzi għal dan kollu r-rati tat-turiżmu se jisparaw is-sajf li ġej. Id-diżappunt tiegħi hu li programm bħal Xarabank, jekk ma jagħmel xejn tajjeb, jirnexxilu joħroġ fil-beraħ is-sindromi l-aktar patetiċi ta’ “Malta li qamet maħsuda l-għada tas-semi finali” u allura jfakkarni f’dawk l-affarijiet li nagħmel minn kollox biex ninsa. Id-diżappunt tiegħi hu li għadna nemmnu li aħna l-magħżulin u li l-metafora ta’ l-Ewropa ta’ Kajin mhijiex midfuna għal kollox.

Id-diżappunt tiegħi hu li l-grupp Teapacks mhux se jirbaħ il-Eurovision.


30 Responses to “Push the Button”


  1. 1 Roderick Mallia
    12 May, 2007 at 8:51 pm

    Ejja! Mela mhux jien biss indunajt li n-noti akuti ma kantathomx tajjeb! Għal mument kont qed naħseb li ħadtu f’widnejja… iktar u iktar meta smajt dawk il-kummenti oxxeni fuq Xarabank.

  2. 2 Roderick Mallia
    12 May, 2007 at 10:22 pm

    Manwel, nistiednek taqra l-kummenti fuq il-blogg ta’ Olivi. Għadni kif tajthom daqqa t’għajn, u għandi l-impressjoni li b’din ir-rata Olivia Lewis ser ilaħħquha qaddisa martri. Tgħid naraw xi santi tagħha?

  3. 3 L-Imżebbel
    13 May, 2007 at 8:05 am

    Il-biċċa hi li l-kummenti li approvat huma biss dawk li kienu favorevoli. Tkellimt ma’ individwi li, għalkemm bl-edukazzjoni kollha, bagħtulha kummenti pjuttost ostili lejn l-Eurovision. S’issa għadhom ma ġewx ippubblikati. Għall-inqas Toni Sant kellu d-diċenza jagħti spazju lil min jistmell lil dan l-hekk-imsejjaħ festival.

    Jien, li niġi naqa’ u nqum mill-Eurovision, ħassejt li ma kelli nibgħat xejn. Wara kollox, nimmaġina li Olivia tiġi taqa’ u tqum x’naħseb jien.

    Biss, m’għandi l-ebda ħsieb naħbi s-sodisfazzjon li nara daqstant nies “ixxokkjati” b’dan ir-’rinkoljonament’ ta’ kull sena.

  4. 4 Roderick Mallia
    13 May, 2007 at 9:57 am

    Nimmaġina li ħbiet dak li ma qabliliex turi.

    Biss, m’għandi l-ebda ħsieb naħbi s-sodisfazzjon li nara daqstant nies “ixxokkjati” b’dan ir-’rinkoljonament’ ta’ kull sena.

    Kemm nifhmek Kev! Nieħu gost sa ċertu punt imma, għax meta nara din il-ħela ta’ flus fuq xi ħaġa suppost ‘kulturali’ ninkazza mhux ftit. U nibża’ ftit ukoll meta nara dal-fanatiċiżmu kollu…

  5. 5 L-Imżebbel
    13 May, 2007 at 10:21 am

    Aħna lil xi ħadd bħal Frank Zappa rridu fl-Eurovision! :)

  6. 6 CODama
    13 May, 2007 at 12:29 pm

    L-ahjar kummiedjant li jkanta bil-malti u li jigi jitmejjel minn kollox u minn kulhadd u li ma tikbirlux rasu. Ipruvajt inhalli kumment ta kritika kostrutiva fil blog tas-santissima imma sal lum ghadu ba giex ippublikat. La it-tema hi ix-xandir, ghall-lum daqsekk, sakemm nergaw niltaqaw insellmilkhom.

  7. 7 mario
    13 May, 2007 at 2:20 pm

    dispjacir tara maltin bhalkom jaqaw fil baxx daqshekk….

    jiena kieku minnek nisthi nghid li jiena malti….

    anqas li kieku kienet l aktar diska orrur li ezistiet ma missek titkellem hekk.

    haga tal iskantament kif f dan il pajjiz ghad hawn nies li jaqaw daqshekk fil baxx.

  8. 8 mario
    13 May, 2007 at 2:21 pm

    dispjacir tara maltin bhalkom jaqaw fil baxx daqshekk….

    jiena kieku minnek nisthi nghid li jiena malti….

    anqas li kieku kienet l aktar diska orrur li ezistiet ma missek titkellem hekk.

    haga tal iskantament kif f dan il pajjiz ghad hawn nies li jaqaw daqshekk fil baxx.

  9. 9 mario
    13 May, 2007 at 2:22 pm

    dispjacir tara maltin bhalkom jaqaw fil baxx daqshekk….

    jiena kieku minnek nisthi nghid li jiena malti….

    anqas li kieku kienet l aktar diska orrur li ezistiet ma missek titkellem hekk.

    haga tal iskantament kif f dan il pajjiz ghad hawn nies li jaqaw daqshekk fil baxx.

  10. 10 Athena
    13 May, 2007 at 4:54 pm

    Immanuel…
    1. L-ghomor, as usual I’m slow in catching up
    2. Kolja is completely gorgeous and adorable, he makes my uterus hurt:-)
    3. Best. Eurovision commentary. Ever.
    4. Kienet stunatissima.

  11. 11 Roderick Mallia
    13 May, 2007 at 4:56 pm

    Mario, naħseb hija ħaġa iktar ta’ l-iskantament li għad hawn nies bħalek li jaħsbu li, għax Malti, kollox tajjeb. Kollox jgħaddi f’dal-pajjiż allajbierek. Kull kritika hija meqjusa bħala attakk dirett konta s-sagrosant Malti.

    Hija ħaġa ta’ l-iskantament kif ukoll, kif għad hawn nies li jemmnu li aħjar mill-Malti m’hawn imkien u li Malta hija pożizzjonata strateġikament fiċ-ċentru tad-dinja, anzi tas-sistema solari b’kollox idur madwarha.

    Biex nagħlaq, jien m’għandix għalfejn nistħi ngħid li jiena Malti; anzi. Biss, ma naħsibx li għandi għalfejn inkun kburi anqas. L-istess attitudni li kieku twelidt f’xi post remot ieħor…

  12. 12 mario
    13 May, 2007 at 5:14 pm

    jiena qatt ma ghedt li il malti sagrosant …anzi …pero hemm kritika kostruttiva u hemm tajjir.

    li tikritika biex l affarijiet ikunu ahjar naccetta li tajjru peruni personali dak insult ikun minn ikun u jkun xikun.

  13. 13 Roderick Mallia
    13 May, 2007 at 5:24 pm

    Din oħra. Ma nafx għal-liema tgħajjir qed tirreferi imma din li jekk tgħaddi kumment u ma taqbilx mal-massa tkun qed tgħajjar, jew tidgħi, jew taqa’ fil-baxx ma niflaħiex.

    Meta se jikber dal-pajjiż?

  14. 14 Erezija
    14 May, 2007 at 7:46 am

    IMMANUEL MIFSUD GĦALL-EUROVISION 2008!!

  15. 15 Antoine
    14 May, 2007 at 8:28 am

    Intqal ukoll li Malta – MALTA – qamet maħsuda l-għada tas-semifinali. Dan id-diskors ukoll idejjaq lil xi nies: lili pereżempju. Jien ma qomtx maħsud u safejn naf jien, fortunatament jew le, nagħmel parti minn din Malta.

    Lili wkoll… huwa atteġġament sintomu ta’ l-idea ta’ soċjetà bħala soppa (omoġenja) pjuttost milli bħala mużajk kumpless mimli kurrenti kontradittorji, idea li aktarx titnissel mill-mit ta’ l-identità, li donnha bilfors trid tkun tonda u waħdanija għax b’hekk tinftiehem aħjar u tħaddan lil aktar nies.

    M’hemmx xi ngħidu, huwa atteġġament li ssib ukoll l-Ingilterra, Spanja… ma nazzardax ngħid “kullimkien” għax ma vvjaġġajtx biżżejjed.

  16. 16 Anonymous
    14 May, 2007 at 9:49 am

    Claudette Taliana – Grazzi l-ewwelnett talli tikteb dan il-blog bil-Malti. Ghalija li ma nghix Malta veru salmura jinzilli ghasel naqra kitbiet bil-Malti. Nghid ghalija l-Eurovision inqisu bhala party li jigi organizzat kull sena bejn il-maggoranza tal-pajjizi ewropej u min ikollu c-cans jitla min flus haddiehor jghaddi gimgha buzz, parties etc…
    Jiena l-koreografija ghogbitni pero nistaqsi jekk hadux zball fid-diska, ghax hsibt li kienet iktar ghaddatata ghal China Town! Miniex esperta fil-muzika pero sa fejn smajt jiena il-ritmu iktar deher bhala Latin, tip Spanjol u ma nafx ghaliex spiccajna l-Far East. L-kuluri iktar kienu vivaci li forsi jirraprezentaw tema ferrieha, haga li d-diska zgur ma kienx fiha.
    Rigward il-voti nghid li naqbel li hafna jivvutaw lil xulxin u lil girien ghax hija haga naturali li huma esposti iktar ghal kultura tal-pajjizi vicin taghhom.
    Jiena nixtieq li jintefqu inqas flus ghal dan il-festival u jkun hemm budget ghal gruppi u kantanti li jkantaw tip ta’ muzika ohra li normalment ma titkantax fil-festivals. Imma bejn dak li nixtieq u dak li jsehh hemm ocejan igifieri jekk nsib ruhi hawn bhal dan iz-zmien sena nerga nibghat l-istess kumment probabli li jkun ghadu jghodd.
    Nittama li ma dejjaqtkomx ha nieqaf hawn qabel inraqqadkom :)

  17. 17 Anonymous
    14 May, 2007 at 11:23 am

    Fuq il-fatt li fil-programm ma sehhitx kritika dwar il-performance, hija haga ovvja li gara hekk. Mhux tal-Where’s Everybody hadmuha din is-song? Morru araw in-nies li tellghu Helinski. Allura tahsbu li kienet tkun facli taghmel awtokritika? Are kieku kien xi hadd iehor min barra kien jinqala maltemp shih!

  18. 18 L-Imżebbel
    14 May, 2007 at 11:44 am

    Il-ġurnal l-orizzont dalgħodu rraporta li s-sistema tal-votazzjoni ma kellhiex x’taqsam mar-riżultat. Fil-fatt ivvotawlna tlieta biss!

    Għaldaqstant il-waqgħa għan-nejk li waqgħu (u mhux ‘waqajna’, għax jien m’għandix x’naqsam) ma kinitx minħabba xi konfoffa jew blocvote.

    Issa ħerqan biex inkun naf liema skuża ‘ġdida’ se joħorġu biha l-apoloġisti wara din l-aħbar.

    http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=35325

  19. 19 Antoine
    14 May, 2007 at 11:47 am

    Għaldaqstant il-waqgħa għan-nejk li waqgħu (u mhux ‘waqajna’, għax jien m’għandix x’naqsam)

    Appuntu Kevin. Għidilhom!

  20. 20 Erezija
    14 May, 2007 at 1:24 pm

    l-attegjament tieghi kien “live and let live” – halluhom igawdu l-festival taz-zobb taghhom, jiena ma jinteressawnix u ghalhekk, anke l-icken stmerrija turi interess, anke jekk interess negattiv… izda issa jiena tal-fehma li hemm il-bzonn ta’ kampanja nazzjonali anti-eurovision, li xxekkel u tostakola u ddghajjef il-mentalita ossessjonata bil-eurovision ta’ pajjizna… kwazi kwazi nasal li nghid li l-eurovision hija theddida ghal malta, daqs kemm kien ikun il-golf course il-manikata jew dak it-terrorizmu ambjentali li sar l-ahrax tal-mellieha l-gimgha l-ohra.

    apparentament hemm hafna nies li jigu jaqghu u jqumu minn dan il-festival redikolu u jibqghu siekta. alavolja hija redikola wkoll li tniedi kampanja kontra l-eurovision, nahseb li m’hemmx lok iehor ghalina, ghax is-sena d-diehla l-istess se jigri – fondi mohlija u isterizmu nazzjonali fuq ix-xejn.

  21. 21 Bertu ta l-Angli
    14 May, 2007 at 2:50 pm

    Jekk il-eurovision haqqux dan il-kjass kollu ma nafx nghid, biss f’kull pajjiz issib xi haga simili. Hawn min jiggennen wara l-karnival, wara l-festi, wara l-futbol, wara xi grupp muzikali, ecc. L-unika raguni li nista nghati ghal dan, forsi hu il-fatt li ghal erba’ darbiet konna vicin li nirbhu dan il-festival. F’dan il-pajjiz rari xi hadd jerbah xi haga fuq livell internazzjonali.

    Ghal dawk kollha li jemmnu li ahjar nonfqu l-flus fuq xi haga ohra, m’inhiex konvint. Ma nahsibx li in-nuqqas ta fondi fi-settur tal-kultura jigi solvut billi naqtghu il-flus lil dan il-festival. Ghaliex mhux inwaqqfu il-jazz festival jew dak ta l-ghana? Ghaliex avveniment segwit minn ftit nies inqisuh ‘kulturali’, izda malli ikun jattira il-massa le? Bl-ebda mod ma niggustifika il-kummiedji ta fuq il-palk ta din is-sena, jew il-flop tas-sena l-ohra biss kellna nofs tuzzana diski tajbin tul dan l-ahhar snin. U kien hemm kantanti li dan il-festival servihom biex jesponu lilhom infushom fuq ix-xena internazzjonali.

    Il-kwistjoni ma hiex jekk inwaqqfux il-fondi lil dan il-festival izda kif il-festival lokali jista jattira aktar gruppi u kompozituri u mhux l-istess nies. Kif dan il-festival jista jattira u jincentiva muzika mhux bilfors ‘mainstream’. Kif nistghu inwaqqfu gruppi lokali milli jisnobjaw il-festival. Hu daqshek difficli li nimmaginaw xi grupp bhal Etnika jew Tribali fuq il-palk? Pajjizi ohra ma hasbuhiex darbtejn.

  22. 22 angelus
    14 May, 2007 at 4:56 pm

    Grupp Malti bhal Frank Zappa ghandna – l-iXtruppaw!! Huma mishom jitilghu ghall-Eurovision; Toni Sant hekk jghid ukoll! Jekk ghadkom ma smajtuhomx morru http://www.xtruppaw.com, ghax tidhku dahka… u fid-diska taghhom Malta jsemmu l-Eurovision ukoll :)

  23. 23 L-Imżebbel
    14 May, 2007 at 5:29 pm

    Niftakar darba kont ktibtilhom diska għall-Eurovision… L-Ixtruppaw Jifqgħu Kull m’Hawn!

    Ma tkunx idea ħażina li jmorru huma u jagħmlu waħda minn tagħhom… Tkun parodija kbira!

  24. 24 Bertu ta l-Angli
    14 May, 2007 at 7:09 pm

    jekk tridu nibdew kampanja…

    Xtruppaw ghal Eurovision!

  25. 25 Erezija
    14 May, 2007 at 8:32 pm

    La qed naghmlu reklami… qed tfakkruni fil-ktieb ta’ Karl Schembri, Manifest tal-Killer, fejn ikun hemm band rock jitilghu jirrapprezentaw lil Malta fil-Eurovision… aqrawh ghax tidhqu dahqa

  26. 26 Anonymous
    15 May, 2007 at 7:22 am

    Jiena ma nara xejn hazin li ntellghu l-Ixtruppaw. L-Ukrajna giet it-tieni post u vicin ta’ l-ewwel bid-diska taghha. Nahseb li anki l-parodiji huma parti mill-palk u jirraprezentawna daqs kemm tirraprezenta kanzunetta fuq l-imhabba.

  27. 27 Antoine
    15 May, 2007 at 8:34 am

    Il-ħass mal-bass: “We won the Cold War but we lost the Eurovision”

    http://news.bbc.co.uk/2/hi/entertainment/6654719.stm

  28. 28 Kenneth
    18 May, 2007 at 1:52 am

    Pero’ stennew ftit. Qabel ma ndeffsu ‘l-iXtruppaw irridu nagħtu ftit ċans lil min ilu jipprova sena wara sena u s’issa għadu ma rebaħ il-festival qatt, miskin.

  29. 29 Roderick Mallia
    18 May, 2007 at 2:59 pm

    Għandu punt Kenneth. Nimmaġina li qed tirreferi għal xi kantant ieħor mill-programm ‘Kalamita’ (Il-programm l-aktar segwit mill-Maltin u l-Għawdxin, wara nofsinhar™), hux Ken? Ara Olivia, dik minn hemm bdiet!

  30. 30 Kenneth
    19 May, 2007 at 8:31 pm

    Ngħid is-sew, ma kontx qed nirreferi għat-tali għax ma ġienix f’moħħi. Pjuttost kont qed ngħid għall-fatt tad-daħk li f’dal-pajjiz it-tellief ma jafx jieħu telfa u jibqa’ qatt ma jrid jifhem il-messaġġ li twassal magħha din it-telfa. Għax mhux li tgħid titlef darba jew tnejn biss…

    Dal-festival qisu l-lottu. Tibqa’ tilgħab Sibt wara Sibt bl-istess numri u fl-aħħar ikollok tirbaħ. Mhux għax kellek xi ħaġa aħjar mis-Sibt ta’ qabel, imma sempliċiment għax bil-liġijiet tan-natura xi darba trid tmiss lilek. Jaf tkun fi zmien sena, jaf 11-il sena wara.


Leave a Reply




Il-Kalendarju

May 2007
M T W T F S S
« Apr   Mar »
 123456
78910111213
14151617181920
21222324252627
28293031  

L-Arkivji

Pages