Ma nafx x’kien li ġegħilni nerġa’ nersaq ‘l hawn. Forsi għax naf li ftit – jekk ħadd – jista’ jara d-dwal inemnmu fil-kurituri fejn kien jintwera l-blobb tas-Sibt Filgħaxija. Forsi għalhekk. U forsi għax il-kampanja elettorali mhux biss dejqitni imma iddiżappuntatni bl-ikrah.
Ma nafx min qed jagħmilha l-kampanja elettorali; jekk humiex l-ispiji li jiksbu karti jaħarqu (daqs għajnejja fin-nofs siegħa ta’ filgħodu) mimlijin dettalji kompromettenti, jew forsi ġurnalisti u opinjonisti li s-soltu jippużaw tal-liberali liberi u mbagħad tintebaħ li anki huma jġorru l-buttuna tal-partit tat-tradizzjoni, jew l-istampi qarrieqa …
Hemm grupp ġurnalisti (dawk ta’ veru mhux li bħali jiktbu bloggata kull darba fill) li xebgħu jitqatlu bejniethom u frankament qed nieħu gost naqrahom: jibbloggjaw, jirrispondu lil xulxin, joħorġu ħdura tgħajjat aktar mill-isfond tax-xemx safra titbissem bla taf l-għala li hemm f’uffiċċju ġo Tas-Sliema. Xiħaġa tgħidli li Alfred Sant u Lawrence Gonzi jaħmlu lil xulxin ftit aktar minn kemm jaħmlu ‘l xulxin dawn l-opinjonisti. U jkolli ngħid li wħud minnhom waqgħu f’bassezzi li ssorprendewni bihom; kelli opinjoni ħafna ogħla tagħhom
***
Jiem wara l-famuż dibattitu quddiem l-istudenti universitarji kitbet tfajla Slovena fuq it-Times. Bażikament esprimiet ix-xokk kulturali li taha baħarha tan-naħa t’isfel. Dit-tfajla Slovena lmentat li l-imġieba ta’ l-istudenti waqt ‘id-dibattitu’ kienet waħda deplorevoli, u li din l-imġieba kienet aktar addattata għal mumenti rari erojċi fl-enclosure ta’ Ta’ Qali. Għandha raġun din is-sinjorina għax hija ġejja minn pajjiż fejn il-kultura tal-ħsieb u ta’ l-espressjoni libera tmissha b’idejk u ttegħemha l-ħin kollu. Din is-sinjorina ġejja minn pajjiż fejn l-universitajiet ma jilqgħux fihom żgħażagħ f’xifer l-isteriżmu quddiem il-kap tal-partit, imma jilqgħu fihom imħuħ li d-dibattitu li joffru għandu xejra intellettwali kif wara kollox wieħed jippretendi li jkun hemm f’universita’. Miskina, din is-sinjorina sabet min irid isallabha għax kellha ‘l-ardir’ tikteb fuq IL-gazzetta ewlenija f’Malta. Lakemm ma sabitx min jakkużaha bi ndħil barrani; lakemm ma kienx hemm min qalilha li qed nagħmlulha pjaċir li qed inżommuha hawn u la qiegħda hawn bi pjaċir għandha tirrispettana bil-mod li tagħna.
Darba oħra titkellimx Slovena: ħalli l-istudenti Maltin iwerżqu kemm iridu!
Imbagħad kien hemm min ġab l-argument li l-istudenti kellhom kull dritt jaġixxu kif aġixxew għax illum – kuntrarju għal qabel – l-istudenti Maltin għandhom il-liberta’ tal-kelma: m’għandhom ‘il ħadd tiela’ l-Imsida bil-ktajjen u l-ħadid ħalli jsawwathom, illum jistgħu jgħidu li jridu. Veru: anki jien ngħid lill-istudenti tiegħi li l-interpretazzjoni li nagħti tal-letteratura tat-tmeninijiet ma kontx inkun nista’ nagħtiha li bqajna ngħixu fit-tmeninijiet. Madankollu nibża’ li l-liberta’ tal-kelma ta’ l-istudenti universitarji tiswa ftit aktar mil-liberta’ tal-kelma tal-merħliet li kienu jduru t-toroq ta’ Ħal Tarxien. Anki dawk kellhom il-liberta’ tal-kelma. Li ma kellhomx, imsieken, il-liberta’ tal-mixja. Mixjithom kienet direzzjonata mir-ragħaj: fejn imur ir-ragħaj imorru huma.
***
Issa jien irrid noqgħod attent, għax kuntrarju għal dawn l-istudenti, għajnejja nħarqu bil-gass tad-dmugħ u bħal missirijiethom u ommijiethom kont bqajt barra l-universita’ għax hekk deherlu li għandi nagħmel ir-Ragħaj ta’ dak iż-żmien. Forsi jkun hemm min (jekk se jkun hemm min jaqra dan) li jakkużani bid-dementia. It-tifkiriet tal-gass tad-dmugħ ktibthom xi sbatax-il sena ilu meta ħadd ma kien għadu kitibhom. U għadni s’issa nista’ niddeskrivi l-fwieħa ħelwa ta’ dal-gass u l-mużika sentimentali tan-nies iwerżqu bil-biża’ u ż-żifna panikuża f’nofs it-triq. Madankollu, m’jien se nħalli lil ebda ħadd jilgħabli bil-memorji tiegħi.
**
Tarahom fuq it-televixin, miġburin fil-pjazza, libsin l-aħmar jew il-blu, iċapċpu għal kull ċuċata li jgħid ir-ragħaj. Tarahom joqomsu fuq xulxin u jwerżqu u jgħollu jdejhom ‘il fuq anki jekk id-diskors tal-lum semgħuh il-ġimgħa l-oħra wara li kienu semgħuh il-ġimgħa ta’ qabel u ta’ qabilha.