Archive for April, 2008

22
Apr
08

Ilma għal min m’għandux għatx

L-Amnesty International ħadmet video (xokkanti) li fih jidher re-enactment ta’ mezz ta’ tortura li l-Amerikani qegħdin jużaw fuq nies li qatgħuhom terroristi. Jekk għandek l-istonku tista’ tara l-video hawn isfel.

Ix-xokk jikber meta tiftakar li din it-tortura mhux biss qiegħda sseħħ fl-era tal-liberta’ u tad-drittijiet umani, imma li qiegħda ssir bil-barka ta’ xiħadd li saħansitra, fil-privatezza ta’ l-uffiċċju tiegħu talab mal-Papa għall-bżonnijiet tal-familja.

L-ilma, xi darba, kien simbolu tal-ħajja. Użawh diversi reliġjonijiet, diversi poeti, diversi artisti. In-nuqqas tiegħu qajjem kunflitti u ġlidiet kbar; qajjem kuxjenzi wkoll. Tħares lejh minn liema lat trid, l-ilma dejjem ħarisna lejh bi gratitudni, b’rispett u b’reverenza. Imma, it-teknokrati tat-terrur u tat-tortura, ittradew it-tradizzjoni. Il-qtar ta’ l-ilma sar martirju għal dawk li jsibu rwieħhom mimdudin fuq mejda iebsa, b’idejhom u saqajhom marbutin, b’ħalqhom miftuħ beraħ, b’għonqhom magħfus, b’għajnejhom imberrqin u b’nifishom maqtugħ.

Jekk għandek l-istonku, ara l-video. U jekk għandek ruħ agħfas il-link ta’ taħt. Uri d-diżapprovazzjoni. Uri li int ċittadin denju tal-pjaneta, membru umli ta’ l-umanita’.

 unsubscribe from human rights abuse in the war on terror

10
Apr
08

Il-Media

Il-każ ta’ Max Mosley reġa’ qajjem diskussjoni fuq it-tabloids Ingliżi, speċjalment il-verżjonijiet online tagħhom, dwar safejn għandha dritt tasal il-media.

Ma nimmaġinax li hawn xiħadd li ma semax bil-każ ta’ Mosley u bil-logħob sesswali tiegħu. Video ta’ waħda minn dawn il-logħbiet spiċċa fuq in-News of the World u min-News of the World spiċċa fuq kull fil ta’ l-internet li jxandar l-aħbarijiet. In-News of the World, li tħobb tippubblika dawn, ikkundannat lil Mosley għall-”perverżjonijiet sesswali” tiegħu. Miniex se nidħol fil-mertu jekk Mosley huwiex pervers jew jissodisfax is-sesswalita’ tiegħu b’modi kreattivi; id-dinja perversa hija reġjun mudlam ħafna u diffiċli taqta’ linji bejn perversita’ u kreattivita’. Ngħid għalija ddarrast bil-parodija ta’ Auschwitz, u kont naf Mosley bin min kien u bit-tendenzi politiċi tiegħu.

Il-mistoqsija hija jekk il-media għandhiex id-dritt ixxandar il-logħob sesswali ta’ nies li qegħdin jieħdu gost fil-privat fil-paġni tagħha.

U l-mistoqsija l-oħra hija: kemm għandha dritt tkun b’saħħitha l-media? Minn meta bdejna nippretendu li l-media hija ‘untouchable’? Minn meta bdejna nħossu li kull tip ta’ ċensura huwa kundannabbli? U għala naħsbu hekk? X’kien dak il-proċess li wassal biex il-media ssir sagra aktar mir-reliġjon? Il-każ tal-karikaturi tal-Profeta wera li saħasitra l-karikaturi saru sagri aktar mill-profeti u l-allat.

L-istess proċess jidher li seħħ jew qiegħed iseħħ f’Malta. It-tħejjijiet għall-elezzjoni ta’ kap Laburista ġdid qegħdin jiġu segwiti, jekk mhux ukoll skurtinizzati, mill-mezzi tax-xandir lokali, uħud aktar minn oħrajn. Għax il-kap elettorali Laburista, f’kummenti li ta, fettillu jgħid li ċerti ħwejjeġ marbutin ma’ din l-elezzjoni huma “affarijiet interni tal-Partit” ġie akkużat b’ċensura u b’għeluq; u l-akkużi skuraw aktar meta l-istess proxxmu fettillu jorbot lil dawk li beħsiebhom jikkontestaw għall-kariga li ma jitkellmux mal-mezzi tax-xandir. B’reazzjoni għal dan bdew għaddejjin akkużi ta’ dittatorjati, retrogradazzjoni, għeluq u x’naf jien. Lill-media trid tgħidilha kollox, anki ma’ min torqod bil-lejl, u jekk ma tgħidilhiex ibqa’ fiċ-ċert li tkun taf xorta waħda.

Li niskanta huwa li ċerti rkejjen, ngħidu aħna ċerti bloggs li jkunu prontissimi jikkritikaw lil-Labour għax “mhuwiex miftuħ”, għadhom ma semmew xejn dwar il-każ ta’ Pullicino Orlando. Donnu li f’ċerti każi l-media tagħmel sew tibqa’ b’ħalqha magħluq. Nixtieq naf x’reazzjoni se jkun hemm għall-fatt li l-bieraħ Lawrence Gonzi kellu laqgħa ma’ l-uffiċjali tal-MEPA u, oħroġ il-għaġeb, Gonzi li jemmen bit-trasparenza u l-bloggs u l-komunikazzjoni bl-internet, irrifjuta li jagħti kummenti lill-media. U dawk il-bloggs li ma ħarġu jgħidu xejn fuq il-każ JPO (ħlief għal serje ta’ apoloġiji QABEL l-elezzjoni) għadhom (sal-ħin li qed tinkiteb dil-bloggata) ma ħarġu jgħidu xejn fuq l-attitudni magħluqa ta’ Gonzi fir-rigward tal-każ JPO/Mistra.

Il-kontroll ta’ l-imħuħ jista’ jsir anki permezz tas-silenzju, m’għandniex xi ngħidu. U kif wera Foucault, il-ftuħ u l-liberta’ fil-kelma (mhux tal- kelma) jistgħu jkunu wkoll mezz effikaċi ta’ kontroll.




Il-Kalendarju

April 2008
M T W T F S S
« Mar   Jun »
 123456
78910111213
14151617181920
21222324252627
282930  

L-Arkivji

Pages