Archive for the 'Uncategorized' Category

22
Apr
08

Ilma għal min m’għandux għatx

L-Amnesty International ħadmet video (xokkanti) li fih jidher re-enactment ta’ mezz ta’ tortura li l-Amerikani qegħdin jużaw fuq nies li qatgħuhom terroristi. Jekk għandek l-istonku tista’ tara l-video hawn isfel.

Ix-xokk jikber meta tiftakar li din it-tortura mhux biss qiegħda sseħħ fl-era tal-liberta’ u tad-drittijiet umani, imma li qiegħda ssir bil-barka ta’ xiħadd li saħansitra, fil-privatezza ta’ l-uffiċċju tiegħu talab mal-Papa għall-bżonnijiet tal-familja.

L-ilma, xi darba, kien simbolu tal-ħajja. Użawh diversi reliġjonijiet, diversi poeti, diversi artisti. In-nuqqas tiegħu qajjem kunflitti u ġlidiet kbar; qajjem kuxjenzi wkoll. Tħares lejh minn liema lat trid, l-ilma dejjem ħarisna lejh bi gratitudni, b’rispett u b’reverenza. Imma, it-teknokrati tat-terrur u tat-tortura, ittradew it-tradizzjoni. Il-qtar ta’ l-ilma sar martirju għal dawk li jsibu rwieħhom mimdudin fuq mejda iebsa, b’idejhom u saqajhom marbutin, b’ħalqhom miftuħ beraħ, b’għonqhom magħfus, b’għajnejhom imberrqin u b’nifishom maqtugħ.

Jekk għandek l-istonku, ara l-video. U jekk għandek ruħ agħfas il-link ta’ taħt. Uri d-diżapprovazzjoni. Uri li int ċittadin denju tal-pjaneta, membru umli ta’ l-umanita’.

 unsubscribe from human rights abuse in the war on terror

18
Mar
08

Mistra BLUES

It-tgħawwiġ mill-mezzi tal-media għadu għaddej sa aktar minn ġimgħa mill-elezzjoni. Fuq il-gazzetti (u l-verżjonijiet elettroniċi tagħhom), fuq it-televixins u r-radjijiet, fuq il-bloggijiet … għadha għaddejja kampanja sħiħa ta’ ħabi u logħob perikoluż.

Pereżempju l-istampa Nazzjonalista, għallinqas sal-lejla, għadha ma qalet assolutament xejn dwar il-każ ta’ Jeffrey Pullicino Orlando u r-rapport dwar il-każ maħruġ mill-awditur tal-MEPA. X’interess għandha l-istampa Nazzjonalista li taħbi? Jekk dan id-deputat Nazzjonalista huwa innoċenti – kif qegħdin jisħqu ċerti ‘opinjonisti-li-ma-jridux-jammettu-li-huma-paritatrji-nazzjonalisti’ – għala l-istampa Nazzjonalista ma toħroġx *minn issa* tiddefendi lil dan id-deputat bħalma għamlet qabel l-elezzjoni? Xi nbidel minn dakinhar?

Minflok, l-istampa Nazzjonalista medhija tispekula fuq it-tmexxija l-ġdida tal-Partit Laburista. Bħalma jagħmlu dejjem il-Laburisti, waqgħu għan-nasba tal-PN u qegħdin jonxru l-qliezet ta’ taħt fil-pubbliku. Imma dik biċċa tagħhom. Għal nofs Malta, l-ispekulazzjonijiet dwar min se jkun kap tal-MLP huma aktar importanti minn dak li hemm miktub bl-iswed fuq l-abjad fir-rapport ta’ l-awditur tal-MEPA.

Dan huwa l-logħob bil-mezzi tax-xandir. Dan huwa l-mod kif tilgħab bl-imħuħ, kif twerreċ l-għajnejn ta’ min joqgħod isegwi l-istazzjonijiet tal-partiti u jaqra l-bloggs tal-partitarji fidilissimi tagħhom.

Komplu sejrin hekk, partiti!

Il-Mistra

Trid tiżfen hawn fuq??

17
Mar
08

Ebba

Sirt naf li Ebba von Fersen Balzan ħalliet il-wied tad-dmugħ. Ma’ Ebba ltqajt ħafna snin ilu, jidhirli waqt party n-Naxxar u tkellimna fuq is-sens ta’ ħtija li l-ġenerazzjoni tagħha u ta’ qabilha ħasset fil-konfront ta’ l-istorja fil-Ġermanja tas-seklu għoxrin. Kien hemm drabi oħra meta ltqajna u tkellimna fuq il-pittura tagħha u l-kitba tiegħi. U l-aħħar li ltqajna staqsietni jekk il-mara tiegħi, barranija bħalha miżżewġa Malti, bdietx tidra l-ħajja l-ġdida fuq il-Blata.

L-aktar ħaġa li niftakar f’Ebba – għalkemm kienu ftit ħafna d-drabi li ltqajna u tkellimna – kienet it-tbissima mimlija enerġija.

Lil Saver nixtieqlu kull sabar.

06
Mar
08

Il-qaħba ġol-karozza

Xi storbju hawn bħalissa fuq ir-rokna ċibernetika Maltija. Hawn uħud li ssibhom jirrispondu f’kull blogg, jirrispondu kull artiklu elettroniku, u mbagħad jiktbu l-blogg tagħhom – xi erba’ bloggati kuljum.

Il-liberta’ tal-kelma. Għal uħud il-liberta’ tal-kelma tfisser tgħajjar lil Alfred Sant għax jilbes parrokka, taqlagħlu l-ħama ta’ meta telaq lill-mara, tgħid fuck you lill-kameras jippuntaw lejk, tgħid li hemm ġurnalist iħobb jgħabbi l-qħab fil-karozza, titfa’ filmati qosra fuq il-youtube bi ndħil dwar il-ħajja privata.

Jekk xejn, dil-kampanja elettorali ħarġet fil-beraħ il-bassezzi li wħud jaslu biex jilħqu.

X’faqar ta’ mħuħ biex inkejlu l-liberta’ tal-kelma b’dan il-mod.

03
Mar
08

Viva alla r-Ragħaj!! (b’apoloġija lil Renato Zero)

Ma nafx x’kien li ġegħilni nerġa’ nersaq ‘l hawn. Forsi għax naf li ftit – jekk ħadd – jista’ jara d-dwal inemnmu fil-kurituri fejn kien jintwera l-blobb tas-Sibt Filgħaxija. Forsi għalhekk. U forsi għax il-kampanja elettorali mhux biss dejqitni imma iddiżappuntatni bl-ikrah.

Ma nafx min qed jagħmilha l-kampanja elettorali; jekk humiex l-ispiji li jiksbu karti jaħarqu (daqs għajnejja fin-nofs siegħa ta’ filgħodu) mimlijin dettalji kompromettenti, jew forsi ġurnalisti u opinjonisti li s-soltu jippużaw tal-liberali liberi u mbagħad tintebaħ li anki huma jġorru l-buttuna tal-partit tat-tradizzjoni, jew l-istampi qarrieqa …

Hemm grupp ġurnalisti (dawk ta’ veru mhux li bħali jiktbu bloggata kull darba fill) li xebgħu jitqatlu bejniethom u frankament qed nieħu gost naqrahom: jibbloggjaw, jirrispondu lil xulxin, joħorġu ħdura tgħajjat aktar mill-isfond tax-xemx safra titbissem bla taf l-għala li hemm f’uffiċċju ġo Tas-Sliema. Xiħaġa tgħidli li Alfred Sant u Lawrence Gonzi jaħmlu lil xulxin ftit aktar minn kemm jaħmlu ‘l xulxin dawn l-opinjonisti. U jkolli ngħid li wħud minnhom waqgħu f’bassezzi li ssorprendewni bihom; kelli opinjoni ħafna ogħla tagħhom

***

Jiem wara l-famuż dibattitu quddiem l-istudenti universitarji kitbet tfajla Slovena fuq it-Times. Bażikament esprimiet ix-xokk kulturali li taha baħarha tan-naħa t’isfel. Dit-tfajla Slovena lmentat li l-imġieba ta’ l-istudenti waqt ‘id-dibattitu’ kienet waħda deplorevoli, u li din l-imġieba kienet aktar addattata għal mumenti rari erojċi fl-enclosure ta’ Ta’ Qali. Għandha raġun din is-sinjorina għax hija ġejja minn pajjiż fejn il-kultura tal-ħsieb u ta’ l-espressjoni libera tmissha b’idejk u ttegħemha l-ħin kollu. Din is-sinjorina ġejja minn pajjiż fejn l-universitajiet ma jilqgħux fihom żgħażagħ f’xifer l-isteriżmu quddiem il-kap tal-partit, imma jilqgħu fihom imħuħ li d-dibattitu li joffru għandu xejra intellettwali kif wara kollox wieħed jippretendi li jkun hemm f’universita’. Miskina, din is-sinjorina sabet min irid isallabha għax kellha ‘l-ardir’ tikteb fuq IL-gazzetta ewlenija f’Malta. Lakemm ma sabitx min jakkużaha bi ndħil barrani; lakemm ma kienx hemm min qalilha li qed nagħmlulha pjaċir li qed inżommuha hawn u la qiegħda hawn bi pjaċir għandha tirrispettana bil-mod li tagħna.

Darba oħra titkellimx Slovena: ħalli l-istudenti Maltin iwerżqu kemm iridu!

Imbagħad kien hemm min ġab l-argument li l-istudenti kellhom kull dritt jaġixxu kif aġixxew għax illum – kuntrarju għal qabel – l-istudenti Maltin għandhom il-liberta’ tal-kelma: m’għandhom ‘il ħadd tiela’ l-Imsida bil-ktajjen u l-ħadid ħalli jsawwathom, illum jistgħu jgħidu li jridu. Veru: anki jien ngħid lill-istudenti tiegħi li l-interpretazzjoni li nagħti tal-letteratura tat-tmeninijiet ma kontx inkun nista’ nagħtiha li bqajna ngħixu fit-tmeninijiet. Madankollu nibża’ li l-liberta’ tal-kelma ta’ l-istudenti universitarji tiswa ftit aktar mil-liberta’ tal-kelma tal-merħliet li kienu jduru t-toroq ta’ Ħal Tarxien. Anki dawk kellhom il-liberta’ tal-kelma. Li ma kellhomx, imsieken, il-liberta’ tal-mixja. Mixjithom kienet direzzjonata mir-ragħaj: fejn imur ir-ragħaj imorru huma.

***

Issa jien irrid noqgħod attent, għax kuntrarju għal dawn l-istudenti, għajnejja nħarqu bil-gass tad-dmugħ u bħal missirijiethom u ommijiethom kont bqajt barra l-universita’ għax hekk deherlu li għandi nagħmel ir-Ragħaj ta’ dak iż-żmien. Forsi jkun hemm min (jekk se jkun hemm min jaqra dan) li jakkużani bid-dementia. It-tifkiriet tal-gass tad-dmugħ ktibthom xi sbatax-il sena ilu meta ħadd ma kien għadu kitibhom. U għadni s’issa nista’ niddeskrivi l-fwieħa ħelwa ta’ dal-gass u l-mużika sentimentali tan-nies iwerżqu bil-biża’ u ż-żifna panikuża f’nofs it-triq. Madankollu, m’jien se nħalli lil ebda ħadd jilgħabli bil-memorji tiegħi.

**

Tarahom fuq it-televixin, miġburin fil-pjazza, libsin l-aħmar jew il-blu, iċapċpu għal kull ċuċata li jgħid ir-ragħaj. Tarahom joqomsu fuq xulxin u jwerżqu u jgħollu jdejhom ‘il fuq anki jekk id-diskors tal-lum semgħuh il-ġimgħa l-oħra wara li kienu semgħuh il-ġimgħa ta’ qabel u ta’ qabilha.

31
May
07

IL-GAĠĠA

1967

Għada l-ewwel ta’ Ġunju jaħbat l-erbgħin anniversarju mill-pubblikazzjoni uffiċjali ta’ l-album Sgt Pepper’s Lonely Hearts Club Band.

Ritratt ta' Robert Altman

Das-sajf jaħbat ukoll l-erbgħin anniversarju tas-Sajf ta’ l-Imħabba, dak is-sajf li minnu nħoloq kult sħiħ, li ra jseħħu kunċerti massivi, manifestazzjonijiet politiċi u bizarriji oħra li kienu moda fl-Istati Uniti ta’ Ginsberg, Kesey, Joplin, Dylan, Warhol u l-bella kumpanija.

Is-sajf ta’ l-1967 kellu wkoll ċertu sinifikat f’Malta. L-1967 wildet il-Moviment Qawmien Letterarju, li rrifletta l-bidliet soċjali li kienu qegħdin iseħħu f’Malta. Għalija personali, is-Sajf ta’ l-Imħabba kellu relevanza kbira għaliex ommi qattgħetu b’żaqq daqsiex tistenna li jasal Settembru ħalli trodd l-aħħar minn serje ta’ wlied.

Niftakar li s-sajf ta’ l-1983, meta kont għadni kif nispiċċa l-iskola u kont għadni bla ebda ħjiel ‘il fejn se nimmira l-futur, qattajtu niġri ‘l hemm u ‘l hawn, b’xagħar twil u msebbel u b’leħja ta’ ġimgħat sħaħ. Missieri kellu cassette recorder bil-bieba miksura li fuqu, filgħaxijiet, kont indawwar tape TDK bir-recording ta’ l-album li għada jagħlaq 40 sena. M’għandniex xi ngħidu, sa tmiem is-sajf it-tape kien laħaq tħabbel u tqatta’ biċċiet.

Loġikament, jien u nikteb dan għandi nisma’ l-album tal-Beatles, iżda lanqas li kieku ridt ma kont nista’ nagħmel dan. Wara li tħabbel it-tape u ntrema, is-Sgt Pepper’s ma reġax daħal għandi. Minflok, qiegħed nisma’ album ieħor li wkoll għalaq 40 sena: Surreal Pillow, tal-Jefferson Airplane. Il-leħen vibranti ta’ Grace Slick fuq “White Rabbit” u l-malinkonija ta’ Marty Balin fuq “Comin’ Back to Me” – One begins to read between / The pages of a look. / The sound of sleepy music, / And suddenly, you’re hooked. – iqanqluni ħafna aktar.

Imma mbagħad tinduna li lħaqt il-mezz’eta’ …

Xbieha

Għandi dix-xbieha l-ħin kollu quddiem għajnejja: tletin ruħ, mitlufin xi mkien fil-baħar b’mewġ forza 5 għoli xi 2 metri, dlam taqtgħu b’sikkina – ma jidher xejn għajr is-swidija u ma jinstema’ xejn għajr il-mewġ – iggranfati ma’ gaġġa tat-tonn. Iva, anki waqt li nisma’ r-romantiċiżmu ta’ Marty Balin, dix-xbieha tibqa’ hemm donnha xi afterimage. Jien għadni nibża’ mid-dlam – ma nidħolx f’bini mudlam waħdi, ma nimxix taħt mini u bil-lejl ma norqodx f’kamra mingħajr dawl jixgħel il-lejl kollu; u l-baħar tgħallimt nibża’ minnu daqskemm inħobbu għax żaqqu ratba u rasu iebsa. U allura dix-xbieha ta’ dawn it-tletin ruħ fis-swidija tad-dlam u fil-mewġ tal-baħar, ma tistax ma timpressjonanix minkejja l-kitarri ta’ Balin u sħabu.

Sa nibda nħoss ħjiel ta’ qtugħ ta’ nifs …

tletin ruħ mitlufin xi mkien f’baħar forza 5, billejl, fid-dlam, ma jaraw u ma jisimgħu xejn għajr is-swidija u l-ħoss tal-mewġ … iggranfati ma’ gaġġa

Stennew is-sajf u s-sajf wasal.

L-imħabba …

26
May
07

Is-silġ u ħwejjeġ oħra

Silġ fuq l-Ewropa
Nhar il-Ħamis li għadda, Norman Hamilton kiteb fit-Times dwar il-Eurovision. Qabel ngħaddi kumment qasir ħafna fuq li qal Hamilton … miniex se nagħmel kumment ieħor fuq dik il-farsa; imma xiħadd ma nafux ġibidli l-attenzjoni għal dak li kiteb Hamilton, forsi għax il-mara tiegħi minn “dawk in-naħat”. Bażikament, dak li qed jipproponi Hamilton huwa li nerġgħu ndendlu l-purtiera tal-ħadid, nerġgħu ntellgħu ħajt, nergħu narmaw dak li l-Ewropa – kont se ngħid b’sensiela ta’ mirkali – irnexxielha tħott. Mela issa għandu jkun hemm numru ta’ Ewropi differenti; hekk qed jipproponi Norman Hamilton!

Fuq il-farsavision daqshekk.

Hemm silġ li qed idub

Ara mill-Istati Uniti: mhux fares joħroġu minn hemm imma traġedji ta’ ċerta dimensjoni. Minbarra d-diżastru fl-Iraq – diżastru li qiegħed jarah kulħadd minbarra l-amministrazzjoni (eletta demokratikament, anzi ri-eletta) – issa ħareġ fil-beraħ li dan il-mostru qiegħed jopponi proposti tat-Tmienja l-Kbar biex tiġi mrażżna s-sħana globali. Nimmaġina li r-raġunijiet ekonomiċi l-għala l-IU tibqa’ topponi dawn il-proposti huma aktar importanti minn x’se jirtu wliedna. Imbagħad, wara kollox, għada min rah?

L-Antartika ddub

Ma nafx qattx nistgħu ngħidu li smajna biżżejjed fuq l-effetti diżastrużi ta’ din is-sħana globali. Saħansitra partijiet sostanzjali ta’ l-Antartika saħnu biżżejjed biex is-silġ idub. Xi jrid jiġri biex l-amministrazzjoni Bush tikkonvinċi ruħha li d-dinja marida serjament u li għad nistgħu nfejquha? Xi jrid iseħħ tgħid?

Il-mumenti sbieħ tal-ħajja

Tkun trid tistrieħ ftit xi kultant. Tkun trid, imqar għal ftit, ma tismax bis-sħana globali, bl-Iraq, bl-Iran, bl-Afganistan, bil-Lvant Nofsani, bl-Al Qaeda, il-Ħamas, il-Fataħ, il-bejjiegħa tal-Monti, id-deni li qed jikkawża Michael Falzon lill-MLP, u ħafna ħwejjeġ oħra li tismagħhom il-ħin kollu anki jekk ma tiħux pjaċir.

Imma mbagħad hemm il-mumenti sbieħ tal-ħajja: it-tbissima bla snien ta’ Kolja pereżempju; jew memorja li titfaċċa minn imkien; jew inkella li l-benjamini reġgħu għamluha. Ma stajtx nirreżisti … il-qalb għadha hemm, u għadha tħabbat.

Kbar!

12
May
07

Push the Button

Ħarabank

Lanqas jitwemmnu l-affarijiet li jidhru fuq it-televixin nazzjonali. Il-bassezzi li waqa’ fihom, permezz ta’ programmi bħal Xarabank, ifakkruk biss f’meta l-istess stazzjon kien qam filgħodu kmieni jdoqq “Run, Rabbit, Run” biex izik lil Fenech Adami li kien għadu kif tilef elezzjoni ġenerali b’maġġoranza ta’ 51% tal-voti. Dakinhar ħafna nies qarrsu wiċċhom għall-”bad taste” fix-xandiriet; illum, anki jekk mhux l-istess livell ta’ bassezzi, għandna sitwazzjoni fejn l-aktar programm redikolu li jxandar it-TVM huwa l-aktar programm segwit. U dan, naħseb jien, jikxef sintomi strambi fil-poplu li daħal fl-Ewropa li għadu mhux ċert jappartjenix għaliha.

Live minn Ħal Qormi u Ħelsinki

Mela kien hemm kantanta minn Ħal Qormi li marret tkanta Ħelsinki. Kellha kanzunetta li ħafna qalu li kienet sabiħa, oħrajn qalu li kienet hekk u hekk u xi wħud qalu li kienet kerha. Issa din il-kantanta ħadmet ħafna biex il-pajjiż li rrappreżentat (il-pajjiż li investa fiha eluf ta’ liri biex tkun tista’ tmur tkanta Ħelsinki) jgħaddi mis-semi-finali, imma din il-missjoni falliet. Naħseb li din hi xiħaġa minn ewl id-dinja: jekk qiegħed tikkompeti tista’ tirbaħ, tista’ titlef. Kollox sew, kien hemm ħafna li ħassewhom iddiżappuntati għax ippretendew (bħalma jagħmlu kull santissma sena) li l-kanzunetta Maltija (kantata bl-Ingliż) kellha mhux biss tgħaddi għall-finali, imma kellha tirbaħ l-istess finali wkoll. Kollox sew, hija xiħaġa naturali li jekk ikollok fiduċja fik innifsek, li jekk tgħożż daqstant il-kultura ta’ pajjiżek, li jekk tħobb daqstant lil pajjiżek, tħossok iddiżappuntat. Imma dak li deher fuq il-programm Xarabank l-għada ta’ din it-telfa, kien taħlita ta’ isteriżmu patetiku ma’ dak grottesk li fakkar li xi wħud li l-parrokkjaliżmu għadu verita’ sagrosanta f’Malta. Sa s-Sindku ta’ Ħal Qormi mar iċapċap mat-temp tal-banda ddoqq id-diska t-telliefa. Is-Sindku! U m’għandniex xi ngħidu kien hemm ukoll il-kandidati prospettivi: anzi, kienu fuq quddiem nett.

Xi ntqal, x’ma ntqalx

Intqal li kien hemm blockvote mill-pajjiżi “tal-lvant”, għax dawn pajjiżi ġirien. Sirt naf li s-Slovenja u t-Turkija huma ġirien. Ara r-Repubblika Ċeka, miskina, dik m’għandhiex ġirien u għax m’għandhiex ġirien il-kanzunetta tagħha ma għaddietx għall-finali lanqas.

Ma ntqalx, pereżempju, li jeżisti fenomenu soċjali li jiddetta l-prossimita’ kulturali. Li pajjiż “tal-lvant” se jħossu aktar kulturalment viċin ta’ pajjiż ieħor “tal-lvant”, u li l-idjoma mużikali ta’ pajjiż “tal-lvant” se tinftiehem u tiġi apprezzata minn pajjiż ieħor “tal-lvant” aktar minn idjoma “oħra”. Il-kanzunetta Maltija, forsi, kienet tieħu ħafna aktar voti kieku ċ-Ċina kienet qiegħda tikkompeti. Min jaf?

Intqal li “dawn ma jniżżluniex lilna l-Maltin.” Jekk “dawn” huma l-istess Ewropej “tal-Lvant”, allura forsi jkun xokk akbar jekk wieħed jikkonsidra li ħafna minn dawn l-Ewropej “tal-Lvant” mhux żgur jafu fejn tiġi Malta, aħseb u ara kemm “ma jniżżluniex”. Bħas-soltu, il-messaġġ ewlieni li ħareġ f’Xarabank – il-programm li suppost jeduka lill-poplu b’mod demokratiku, kien li Malta hija ċ-ċentru ta’ l-Ewropa u allura hemm min jgħir għalina.

Il-blockvote. Ejja nassumu li verament kien hemm blockvote… biex għandna nitkażaw, meta l-votazzjonijiet kollha fil-festivals tal-kanzunetta Maltija għall-Ewropa kienu blockvote tant ovvju? Jew issa s-sistema tal-votazzjoni – issa – m’għadhiex tajba?

Intqal ukoll li Malta – MALTA – qamet maħsuda l-għada tas-semifinali. Dan id-diskors ukoll idejjaq lil xi nies: lili pereżempju. Jien ma qomtx maħsud u safejn naf jien, fortunatament jew le, nagħmel parti minn din Malta. L-użu ikrah ta’ dan il-kollettiv mhux biss jurta lil dak li jkun, imma huwa inġust u żbaljat. “Ħafna Maltin” jew “Il-Maġġoranza tal-Maltin qamu maħsuda l-għada tas-semifinali” kien ikun titlu ferm aktar veru.

Intqal li l-performance Maltija kienet impekkabbli. Veru? Jien miniex ta’ l-istess opinjoni. Kien hemm żeffien idur qisu ċippitatu jxejjer velu abjad; vjolinist jagħmel l-istess mingħajr m’hu ċert minn dak li qed jagħmel u għala qiegħed jagħmlu; is-soltu klixe’ bl-użu ta’ l-imriewaħ … x’konna qegħdin nagħmlu jew nippruvaw nagħmlu fuq il-palk? Jista’ xiħadd jgħidli liema performer professjonali jibdel l-idea ta’ xi rtokk għandu jagħmel ma’ wiċċu siegħa qabel joħroġ fuq il-palk? Imbagħad il-kantanta … jien jidhirli li lanqas l-interpretazzjoni ma kienet eċċellenti; pereżempju n-noti akuti ma kellhomx l-istess saħħa tal-verżjoni rrikordjata.

Imma fuq Xarabank ħadd ma qalu dan id-diskors. Ma tarax! Mela Xarbank se jagħmel xiħaġa simili? Minflok, Xarabank beda jħeġġeġ lin-nies biex il-Ħadd fis-siegħa neqsin kwart kulħadd jitla’ bi ħġaru lejn l-airport biex … biex xiex? Nilqgħu fostna trupp li lanqas għadda għall-finali. Imma minħabba li aħna konvinti li hemm blockvote kontrina, li hemm dawk il-misħutin “tal-Lvant” li ma jniżżluniex, minħabba li Alla seħitna għax ma taniex ġirien, aħna kellna ngħaddu u m’għaddejniex għax tajbin wisq għall-bqija.

Id-diżappunt
Id-diżappunt tiegħi huwa li l-pajjiż reġa’ nefaq eluf kbar ta’ liri biex intellgħu trupp għal festival li sar id-daħqa ta’ kulħadd – minbarra ta’ dawk li filwaqt li jgħidu li ma jeħduhx bis-serjeta’ issibhom hemm bl-id tag daqs dinja fuq sidirhom. Id-diżappunt tiegħi hu li għadna nemmnu li din hija xi okkażjoni importanti fejn il-pajjiż jieħu exposure madornali u li grazzi għal dan kollu r-rati tat-turiżmu se jisparaw is-sajf li ġej. Id-diżappunt tiegħi hu li programm bħal Xarabank, jekk ma jagħmel xejn tajjeb, jirnexxilu joħroġ fil-beraħ is-sindromi l-aktar patetiċi ta’ “Malta li qamet maħsuda l-għada tas-semi finali” u allura jfakkarni f’dawk l-affarijiet li nagħmel minn kollox biex ninsa. Id-diżappunt tiegħi hu li għadna nemmnu li aħna l-magħżulin u li l-metafora ta’ l-Ewropa ta’ Kajin mhijiex midfuna għal kollox.

Id-diżappunt tiegħi hu li l-grupp Teapacks mhux se jirbaħ il-Eurovision.

08
May
07

Il-ħalq toqba …

… u allura jrid jinsadd

Joseph Chetcuti huwa avukat Malti li ma nafx meta emigra lejn l-Awstralja. Qatt ma ltqajt miegħu, imma xi xhur ilu bagħatli email dwar il-kotba tiegħi. Fil-Milied bagħatli kartolina wkoll. Għamel ħoss kbir fuq il-blata għaliex għaxar snin ilu kiteb Il-Ktieb ir-Roża, sa fejn naf jien l-ewwel ktieb f’Malta li jitkellem fuq l-omosesswalita’ – żgur li l-ewwel ktieb f’Malta dwar l-omosesswalita’ miktub minn omosesswali.

Joseph Chetcuti reġa’ kitibli xi jumejn ilu; kitibli biex jilmenta li safa ċċensurat. Kien se jagħti paper dwar il-letteratura Maltija u l-kunsill Malti fl-Awstralja – il-kunsill Malti – iċċensurah. Anzi mhux iċċensurah: għalaqlu ħalqu.

Il-ħalq toqba, u t-toqob qegħdin hemm biex jinstaddu.

L-istorja ta’ Chetcuti u l-ħalq misdud issibuha hawnhekk. Skond l-artiklu, il-kunsill Malti f’Victoria ma riedx li tiġi ppreżentata l-paper għal raġunijiet reliġjużi, għax qal li l-paper ma kellha x’taqsam xejn mal-letteratura. Is-sabiħa hi li l-kunsill ma qrax il-paper!

Il-ħalq toqba, u t-toqob qegħdin hemm biex jinstaddu.

Ma nistax ma niftakarx il-kjass li sar sena ilu għax il-Misilmin ħadu għalihom bil-karikaturi tal-Profeta. U lanqas ma nista’ ninsa li kellna xi illustri jiktbu fuq l-internet u jippubblikaw l-istess karikaturi fuq is-siti personali tagħhom biex jiddandnu li jemmnu fil-liberta’ tal-kelma. U lanqas ma nista’ ninsa li dawn it-talin serrħu rashom li aħna Ewropej, mhux Għarab, mhux Misilmin, u bħala Ewropej aħna – de facto – nemmnu fil-liberta’ tal-kelma. Ma nistax ninsa.

Qed insemmi r-reliġjon għax skond l-artiklu li rrapporta l-istorja ta’ Chetcuti hemm ordni reliġjuż marbut mas-sadd ta’ ħalq l-avukat Malti.

L-għanja ta’ l-emigrant

Imma x’inhu li jbeżża’ tant lill-kunsill Malti ta’ Victoria u lill-ordni reliġjuż li mid-dehra huwa tant influwenti?

Hemm xiħaġa fl-emigranti tagħna. Donnu li ħafna minnhom iġorru l-istampi pittoreski ta’ Marsaxlokk, jew il-pitturi ħelwin ta’ Caruana Dingli tan-nisa bil-faldetta, u jistħajluhom perpetwi. Qisu n-nostalġija lejn pajjiżhom tahielhom Dun Karm, l-istess Caruana Dingli, u l-bella kumpanija. Niftakar liz-ziju Manwel ġej għall-btajjel minn Londra u kif jitfaċċa fl-arrivals kien jiġbidlek għajnejk mhux wiċċu jew surtu imma s-salib tal-kavallieri daqsiex imdendel m’għonqu, jew Frans ta’ Berta l-Kerha jistagħġeb li f’Malta “daħlu d-discos ta’ tard billejn”. Iridu jħallu l-illużjoni ta’ pajjiżhom il-fior del mondo, il-gwerriera ta’ wiċċha roża u mfaqqa’ tisħaq ras it-Tork.

U allura tista’ tifhem l-għala Joseph Chetcuti – attivist omosesswali – jispiċċa iċċensurat. Mela f’Malta għandkom il-gays? Mela f’Malta jiktbu l-poreżiji u n-novelli fuq il-gays? Mela Malta tista’ qatt titlef il-boxxla jew? Mela lill-emigrant Malti, li għad għandu t-togħma tal-pastizz f’ħalqu, se ngħidulu li hemm min ma jħobbx il-pastizzi? Jew se ngħidulu li Malta saret parti mid-dinja jew? Anzi, ngħidulu li Malta għadha bla divorzju mhux bħall-Owropa! Anzi, ngħidulu li Malta għadha Nisranija, u issa se ssir aktar għax se jkollha l-ewwel qaddis! Anzi, ngħidulu wkoll li ta’ l-Owropa qed jittieħdu minn Malta fuq il-liġijiet tad-divorzju, ta’ l-abort, taż-żwiġijiet raġel ma’ raġel u mara ma’ mara: ħarsu lejn il-Polonja!

Min il-qaħba hu Chetcuti?

Inti djamant, f’nofs il-Mediterran

2001, Pariġi. Xiħadd ma nafux qiegħed jaqra traduzzjoni Franċiża ta’ l-istorja tiegħi Ruby. Ninsabu f’sala ppakkjata sa ruħ ommha. F’nofs il-lejla nintebaħ li l-maġġoranza tan-nies huma emigranti Maltin li tefgħu l-ankri Pariġi wara li salpaw jew minn Marsilja jew minn Algiers. Uħud minnhom lanqas biss qatt ma resqu lejn Malta imma f’subgħajhom hemm is-salib bi tmien ponot. Oħrajn mhux żgur jafu fejn tiġi din il-gżira imma jħossuhom Maltin daqsi li xbajt ngħix fuqha. Wara li tinqara l-istorja jkun hemm xi żewġ interventi oħrajn, imbagħad bibita. Jersqu fuqi nies li ma nafhomx minn Adam u jitolbuni nkellimhom bil-Malti, hekk biex jisimgħu l-mużika ħelwa tal-lingwa li xi darba minn jaf kemm dagħa biha buż-bużnannuhom. Qed infittex lit-traduttriċi ħalli nirringrazzjaha tax-xogħol li għamlet.

Imbagħad tgħidli li lill-Maltin li kienet taf hi ma qrathielhomx l-istorja. “Ma ridtx nirvinalhom l-idea li għandhom ta’ Malta.” Hekk qaltli. L-istorja tiegħi kienet se tistupralhom dik il-mara ta’ ħaddejha roża li pitter Caruana Dingli, dik il-bidwija ta’ ġenbejha kbar u sidirha jitbandal li saħan għaliha Dun Karm fl-għelieqi mhux mittiefsa fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ. Ruby ma tilbisx il-faldetta, anzi tagħmel l-istrip tease fil-garaxx fgat bir-riħa tal-kannabis. Mela allura, Ruby mhijiex Maltija.

Dottor Chetcuti

Dottor Chetcuti, qed tippretendi wisq, ruħi. Aħna nemmnu fil-liberta’ tal-kelma, dażgur li nemmnu. Imma int qed tippretendi wisq. Int libertinaġġ trid mhux liberta’. Eeee, issa dik storja oħra. X’għandha x’taqsam il-letteratura Maltija mal-ktieb ir-roża tiegħek? Tħawwadniex tafx! Tħawwadniex! Mela għax tħawdet id-dinja kollha se nħalluk tħawwad lil Malta jew?

post scriptum

Dottor Chetcuti, meta se naqraw din il-paper oxxena tiegħek? Issa, qabbadtna l-kurżita’!

11
Apr
07

Sofia Blues

Sagħtejn qabel nitlaq

daqs sagħtejn oħra tgħaddi taxi għalija ħalli nitlaq lejn l-ajruport. Ma nafx il-għala il-biża’ kbir mill-ajru m’hemmx li jitlaqni, minkejja li issa suppost li ili li drajt. Biża’ li nitlef il-passaport, biża’ li nitlef l-ajruplan, biża’ mill-ajruplan … kull tip ta’ biża’ li wieħed jista’ jimmaġina u li nibża’ ħafna nsemmih. Xiħadd darba qalli li l-anjostiċi kollha jibżgħu mill-ajru. Ma nafx hux veru u x’inhi r-rabta bejn l-anjostiċiżmu u l-ajru. Biss, nista’ ngħid li tant qed nibża’ li ddeċidejt li la norqod (li ma mmurx nibqa’ rieqed) u noqgħod nikteb dil-bloggata biex forsi nderri xi ftit. Attwalment, il-biża’ jibda mal-mument li nibda nagħmel il-valiġġi u jispiċċa biss malli nħoss l-arja friska tal-ftuħ ta’ l-ajurport tilqagħni lura lejn il-Blata.

Sofija

Sofija belt stramba. Kerha, maħmuġa, salvaġġa. Imma xorta tilħaq torbot qalbek magħha. Bħal pajjiżi ex-komunisti oħrajn, l-orizzont kapitalista ġab miegħu ħafna inugwlajanza soċjali. Ma nafx kemm -il tallab u tallaba waqqfuni fit-toroq biex nagħtihom il-perkaċċi, u sadattant il-belt mimlija casinos miftuħa 24 siegħa kuljum. U l-istrip clubs huma fost l-aktar irkejjen irriklamati. U hemm toroq, pereżempju Ul.Vitoxa, li meta tgħaddi minnha taħsbek qiegħed Milan. Ironikament, ul.Vitoxa twasslek lejn dak li kien il-Palazz tal-Kultura, l-aħħar monument komunista li nibet f’din il-belt. Illum dan il-palazz sar palazz tal-billboards jixegħlu, b’labirint sotterran ta’ ħwienet tal-ħwejjeġ tad-ditta. Ftit ‘l hinn minn dan il-palazz hemm il-monument MASSIV iddedikat lill-Unjoni Sovjetika, u bħalha waqa’ biċċiet, jew qed jaqa’ biċċiet. Iżuruh biss iż-żgħażagħ Rap bir-roti u l-iscateboards u, u din sinifikanti ħafna, xi erba’ pensjonanti biex iqegħdulu l-fjuri fil-jiem speċjali li b’xi mod ifakkru l-era l-ħamra. Għala l-pensjonanti? Għax huma spiċċaw milquta l-agħar bil-bidla li seħħet f’dal-pajjiż.

Hekk jew hekk, iż-żgħażagħ qajla jimpurtahom nanniethom minn xiex għaddew. Ġimgħa ilu kont qed inkellem tfajla ta’ xi wieħed u għoxrin sena u l-unika ħaġa li qaltli dwar dan kien li fil-passat min kien jersaq lejn il-knisja kien jisparixxi għal xi xhur jew snin u mbagħad jirritorna jum fost l-oħrajn bla mistenni. Tixtieq issir avukat din is-sinjorina, imma meta staqsejtha l-għala ma kinitx taf tweġibni. Fakkritni ħafna fl-istudenti Maltin.


Home Sweet Home

… biex nara lil das-sinjur li f’temp ta’ ftit jiem rama nuċċali tax-xemx “a la John Lennon”, qed iqum bilwieqfa waħdu, qed idum aktar ma jorqod, saħħaħ l-ewwel passi biex jimxi, u qed jieħu gost jittanta lix-xemx għaddejja fil-ġnien ta’ San Anton.

Fil-bagalja, mirduma xi mkien qalb il-ħwejjeġ u l-kotba li se nniżżel miegħi, hemm ferrovija ta’ l-injam tistenna l-passiġġier iċ-ċkejken biex jitla’ u tibda ġġorru, tibda tressqu ħalli anki hu jibda jġannat il-fruntieri u jifforma l-mappa kbira tiegħu.

Jekk joħroġ jixbah ‘l ommu u ‘l missieru għad taħkmu l-kilba għall-vjaġġ, għall-ġiri diżorganizzat fit-tfittxija tal-ma-nafx-xiex. Għad taħkmu l-ħeffa insapportabbli ta’ l-essri. Hekk nimmaġina li jfissru dawk l-iskossi qliel biex jagħti l-ewwel passi; hekk nistħajjilhom dawk il-mumenti twal u spissi meta ġismu daqs naqra ma jkunx jaf bi kwiet. Il-ħeġġa għall-vjaġġ, għall-ispustament, u, ovvjament, għall-iskoperta. Id-dinja kbira wisq: għadha kbira wisq minkejja l-klixe’ tal-villaġġ globali.

Jgħaddi l-ħin

… u ma jistenna ‘l ħadd.




Il-Kalendarju

November 2009
M T W T F S S
« Aug    
 1
2345678
9101112131415
16171819202122
23242526272829
30  

L-Arkivji

Pages