Skip to content

Kont se nikteb nota fuq Maħmud Darwix, iżda …

11 August, 2008

Kont se nikteb nota fuq Maħmud Darwix, il-poeta meqjus nazzjonali tal-Palestina li miet il-bieraħ fi sptar fi Houston, Texas, imma min jaf kemm – ġustament – se jinkitbu eloġji u obitwarji għal dan il-poeta li esprima s-sentiment kollettiv tal-Palestina.

Minflok, se nikteb nota qasira fuq il-gwerra bejn il-Ġjorġja u r-Russja. Miniex se ngħid min għandu tort u min għandu raġun għaliex il-kunflitt bejn dawn iż-żewġ pajjiżi ma nafux mill-għeruq. Imma għandi ħabta nxaqleb lejn iż-żgħir, speċjalment meta l-kbir li qed jiġġieled miegħu huwa KBIR tassew u li dawn il-kobor iwassal għal bullying statali.

Minbarra bin-nar, ir-Russja qiegħda tattakka lil Ġjorġja b’mezzi ċibernetiċi. Għamlet cyber attack. Ir-Russja magħrufa ħafna għal dan it-tip ta’ attakk. Din mhijiex l-ewwel darba li waqt kunflitt ir-Russja tirvina s-sistema elettronika ta’ pajjiż. Staqsu lill-Estoni x’għamlulhom ir-Russi dan kollu għax riedu jispostjaw monument Sovjetiku. Issa jmiss lill-Ġjorġja. Għax ir-Russja hekk timxi mar-Repubbliki li xi darba kienu taħt il-ħakma tagħha u llum baqgħu mexjin mingħajrha qisha qatt m’eżistiet.

Is-sit virtwali tal-amministrazzjoni Ġjorġjana ġiet attakkata, imneħħija għal kollox mill-ispazju ċibernetiku. U, forsi lanqas titwemmen, il-Gvern Ġjorġjan kellu jiftaħ blogg fuq il-blogspot tal-Google biex iwassal leħnu, biex iwassal lill-barranin il-verżjoni tiegħu ta’ kif inhu l-andament traġiku fi Tbilisi u fi nħawi oħrajn ta’ din ir-Repubblika. Iva, ir-Russja invadiet lil Ġjorġja. Ma rridux ninsew li r-Russja mdorrija tinvadi pajjiżi sovrani: qiegħda tagħmilha issa bħalma għamlitha meta kienet tmexxi l-Unjoni Sovjetika.

Għal dawk li jridu jisimgħu l-qanpiena l-oħra u mhux dik Russa biss, jistgħu jidħlu f’dawn il-bloggs (iva miktubin bl-Ingliż):

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġjorġja

L-Uffiċċju għall-Ministeru tar-Riintergrazzjoni

L-istess bħal fuq, f’każ li ta’ fuq tiġi bblukkata

L-Ambaxxata għal Ġjorġja fl-Estonja

Sit ieħor jismu www.stoprussia.org spiċċa blukkat f’dawn l-aħħar ftit minuti li ili nikteb.

Jista’ jkun li dawk il-ġrieden Russi li jinsabu maqfula f’xi ċentru sigriet tal-kompjuters, f’xi kantina ta’ xi Ministeru tas-Sigurtà, jibblukkaw ukoll dawn is-siti tal-Google.

Hemm rapporti li Sarkozy se jagħmel l-almu kollu biex iwassal għal ftehim għal waqfien mill-ġlied, xiħaġa li l-president Ġjorġjan diġa’ għamel.  Għalfejn Sarkozy se jistenna sa nhar it-Tlieta ma nafx.

Waqt li Bush jinsab iċ-Ċina jxejjer il-bandiera tal-istilel u l-istrixxi ma’ kull għawma ta’ Phelps, qiegħed jagħti ammonizzjoni waħda wara l-oħra lil Putin u sħabu biex jirtiraw mill-ġlied u qiegħed jakkuża lir-Russja li r-reazzjoni tagħha għal dak li wettqet il-Ġjorġja fl-Ossezja hija żbilanċjata. M’għandniex xi ngħidu r-Russja mhijiex l-Iraq u allura Bush mhux se jkun il-cowboy li mdorrija naraw fih kull darba li jiftaħ ħalqu.

Advertisements

From → Dik l-Art Ħelwa

One Comment
  1. Ir-Russja, l-Istati Uniti u ċ-Ċina huma tliet pajjiżi kbar ifuru bis-sinifikat u bis-simboliżmu, li biex ikomplu jikbru u jitkabbru qegħdin jaħftu r-riżorsi naturali ta’ popli oħra u fl-istess ħin jixlu lil dawn l-istess popli bis-suppervja, bil-kefrija u bil-brutalità. Jekk tħares lejn mappa tad-dinja, tara li l-Istati Uniti għandhom sura ta’ xkubetta (bil-grillu fi Florida, miskina), ir-Russja forma ta’ kalashnikov, u ċ-Ċina żaqq ta’ qażquża ddexxex il-muntanji tat-Tibet u l-isteppi tal-Mongolja. Imsejkna dawk ta’ moħħhom u qalbhom miftuħa li ma jistgħux isemmgħu leħinhom f’dawk it-tliet pajjiżi, u msejkna l-popli mkasbra minħabba li, kumbinazzjoni, twieldu fejn jinsabu ħażniet naturali kbar tal-gass u taż-żejt.

    M’aħniex se ngħidu li l-awtoritajiet tal-Ġjorġja, tal-Iraq u tas-Sudan huma ħielsa mill-ħtija, u fejn tidħol il-ħtija diffiċli ddaħħal ir-relattività. Il-vittmi mhumiex pajjiżi, stati jew nazzjonijiet -dawn huma kategoriji ġeneralment artifiċjali-, iżda popli -ċittadini u raħlin tal-affari tagħhom- maħqura mill-klubija u l-kburija ta’ “kbarat” lokali, barranin jew internazzjonali, spiss magħżula skond il-liġi.

    B’hekk inxaqilbu aktar lejn il-minoranzi tad-dinja, neqsin mill-attenzjoni u s-solidarjetà ta’ min jinsab f’pożizzjoni li jgħinhom. Meħudin flimkien, dawn il-minoranzi wisq probabbli jifformaw il-maġġoranza. Tat-tkexkix, hux?

    Kieku l-pajjiżi kollha tad-dinja jaqsmu s-sovranità tagħhom, jew nibdew inħarsu lejn id-dinja bħala pajjiż wieħed u komunità waħda magħmula minn ħafna, forsi xi darba l-kelma “paċi” m’għadx ikollna bżonnha…

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: