Skip to content

Kont se nikteb nota fuq Maħmud Darwix, iżda …

Kont se nikteb nota fuq Maħmud Darwix, il-poeta meqjus nazzjonali tal-Palestina li miet il-bieraħ fi sptar fi Houston, Texas, imma min jaf kemm – ġustament – se jinkitbu eloġji u obitwarji għal dan il-poeta li esprima s-sentiment kollettiv tal-Palestina.

Minflok, se nikteb nota qasira fuq il-gwerra bejn il-Ġjorġja u r-Russja. Miniex se ngħid min għandu tort u min għandu raġun għaliex il-kunflitt bejn dawn iż-żewġ pajjiżi ma nafux mill-għeruq. Imma għandi ħabta nxaqleb lejn iż-żgħir, speċjalment meta l-kbir li qed jiġġieled miegħu huwa KBIR tassew u li dawn il-kobor iwassal għal bullying statali.

Minbarra bin-nar, ir-Russja qiegħda tattakka lil Ġjorġja b’mezzi ċibernetiċi. Għamlet cyber attack. Ir-Russja magħrufa ħafna għal dan it-tip ta’ attakk. Din mhijiex l-ewwel darba li waqt kunflitt ir-Russja tirvina s-sistema elettronika ta’ pajjiż. Staqsu lill-Estoni x’għamlulhom ir-Russi dan kollu għax riedu jispostjaw monument Sovjetiku. Issa jmiss lill-Ġjorġja. Għax ir-Russja hekk timxi mar-Repubbliki li xi darba kienu taħt il-ħakma tagħha u llum baqgħu mexjin mingħajrha qisha qatt m’eżistiet.

Is-sit virtwali tal-amministrazzjoni Ġjorġjana ġiet attakkata, imneħħija għal kollox mill-ispazju ċibernetiku. U, forsi lanqas titwemmen, il-Gvern Ġjorġjan kellu jiftaħ blogg fuq il-blogspot tal-Google biex iwassal leħnu, biex iwassal lill-barranin il-verżjoni tiegħu ta’ kif inhu l-andament traġiku fi Tbilisi u fi nħawi oħrajn ta’ din ir-Repubblika. Iva, ir-Russja invadiet lil Ġjorġja. Ma rridux ninsew li r-Russja mdorrija tinvadi pajjiżi sovrani: qiegħda tagħmilha issa bħalma għamlitha meta kienet tmexxi l-Unjoni Sovjetika.

Għal dawk li jridu jisimgħu l-qanpiena l-oħra u mhux dik Russa biss, jistgħu jidħlu f’dawn il-bloggs (iva miktubin bl-Ingliż):

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġjorġja

L-Uffiċċju għall-Ministeru tar-Riintergrazzjoni

L-istess bħal fuq, f’każ li ta’ fuq tiġi bblukkata

L-Ambaxxata għal Ġjorġja fl-Estonja

Sit ieħor jismu www.stoprussia.org spiċċa blukkat f’dawn l-aħħar ftit minuti li ili nikteb.

Jista’ jkun li dawk il-ġrieden Russi li jinsabu maqfula f’xi ċentru sigriet tal-kompjuters, f’xi kantina ta’ xi Ministeru tas-Sigurtà, jibblukkaw ukoll dawn is-siti tal-Google.

Hemm rapporti li Sarkozy se jagħmel l-almu kollu biex iwassal għal ftehim għal waqfien mill-ġlied, xiħaġa li l-president Ġjorġjan diġa’ għamel.  Għalfejn Sarkozy se jistenna sa nhar it-Tlieta ma nafx.

Waqt li Bush jinsab iċ-Ċina jxejjer il-bandiera tal-istilel u l-istrixxi ma’ kull għawma ta’ Phelps, qiegħed jagħti ammonizzjoni waħda wara l-oħra lil Putin u sħabu biex jirtiraw mill-ġlied u qiegħed jakkuża lir-Russja li r-reazzjoni tagħha għal dak li wettqet il-Ġjorġja fl-Ossezja hija żbilanċjata. M’għandniex xi ngħidu r-Russja mhijiex l-Iraq u allura Bush mhux se jkun il-cowboy li mdorrija naraw fih kull darba li jiftaħ ħalqu.

Advertisements

Fuq (Wara) l-Għajn ta’ San Bastjan

Tħabbret il-mewt ta’ Kilin. Mgħobbi bis-snin u b’karriera twila fil-kitba. Ma nistax ngħid li kien xi kittieb favorit tiegħi. Qrajt Fuq il-Għajn ta’ San Bastjan ħafna snin ilu meta kien parti mis-sillabu fl-iskola sekondarja u x’aktarx li kien hemm għax il-ktieb jitkellem ħafna fuq ir-Rabat (appuntu t-titlu) u aħna konna mmorru l-iskola r-Rabat. Qrajt xi affarijiet oħrajn aktar tard.

Madankollu ma nistax ma nammirax l-istamina li kellu. Baqa’ jikteb sa l-aħħar, jew kważi. Li tqatta’ għomor twil ħafna bħalma kellu Kilin tikteb hija ħolma ta’ ħafna kittieba imma mhijiex ħolma li sseħħ dejjem. U allura, meta quddiemek ikollok bniedem li baqa’ jipproduċi ma tistax ma tammirahx.

Ktibt din-nota b’rispett lil dan ir-raġel li ta kontribut mhux biss lil-letteratura Maltija (klixe’ li se nisimgħuha fl-aħbarijiet tal-lejla) imma lill-karattri ħafna drabi mhux fittizji li kiteb dwarhom. Kilin kien wieħed mill-ewwel kittieba li esprima impenn ambjentali u preokkupazzjoni bil-mod kif dan l-ambjent kien qiegħed jiġi kkalpestat.

ps Fil-aħbar berqa, it-Times kitbu li wieħed mill-aktar xogħlijiet magħrufa ta’ Kilin kien WARA L-GĦAJN TA’ SAN BASTJAN. X’faqar ta’ ġurnal! Seta’, min kiteb ir-rapport ta’ erba’ linji, ifittex ftit biex jara x’kien jismu eżattament dan il-ktieb tant moqri! Nittama li rranġaw l-iżball.

Agħmel xewqa, u onfoħ! Isa!

sentejn, jikber u jisbieħ

Nikol…

Sentejn ilu żammejtek għall-ewwel darba u qbadt nibki nħares lejk tibki u tirrabja. U tfajtni f’mergħat kollha dubji u domandi. Sentejn ilu.

U llum rajtek tħares lejn żewġ xemgħat ikkuluriti, rajtek tħares lejhom bl-akbar serjeta’ bħal meta ma tifhimx x’qiegħed nitolbok, jew meta ma nifhimx x’qiegħed titlobni. Rajtek tħares lejhom imbagħad tonfoħhom ħa tiċċelebra int ukoll il-miġja tiegħek. Urejtni dar-ritratt u tfajtni f’mergħat kollha dubji u domandi.

Sentejn ilu, żammejtek f’idejja. Illum rajtek tiġri waħdek, tħares lura u tiddieħaq. Għajnejk mimlija liberta’ li nixtieq nagħmel minn kollox biex ma titlifhiex. Sentejn ilu ħarist lejk b’għajnejk magħluqa u llum laqqajna l-ħars u forsi fhimna dak li m’għidniex.

Nispera li qabel infaħt fuq ix-xemgħat għamilt ix-xewqa tiegħek. Tiegħi għamiltha diġa’.

Ma nafx l-għala, qiegħed nibki.

Karel

Karel Bruckner - Getty Images

Għandu ħarsa u xeħta ta’ filosfu. Tarah taħsbu xi eżistenzjalista jew xi ħassieb kritiku qiegħed jagħti taħdita. Għandu ħarsa u xeħta intellettwali, imma fil-fatt huwa l-ex-kowċ nazzjonali tar-Repubblika Ċeka.

Magħruf għad-dehra partikolari tiegħu (li għalija hija dehra tipika Slava), speċjalment xagħru fiddien u l-ħarsa ta’ l-azzar li jagħti, Karel Bruckner jersaq lejn il-logħba tal-football bl-istess attitudni li l-filosfi l-kbar tas-seklu għoxrin ħadu għat-testi ċelebri tagħhom.

Wara l-eliminazzjoni drammatika tat-team tiegħu mit-Turkija l-Ħadd li għadda, Bruckner ta r-riżenja tiegħu, kif kien deċiż li jagħmel wara dan it-tournament Ewropew. L-aħħar kliem tiegħu lill-ġurnalisti jixhdu l-qafas mentali ta’ dan l-istilla Ċeka: “Il-football huwa logħba sabiħa, mhux kattiva. It-telfiet imġarrba huma ħaġa waħda mar-rebħiet kbar. Il-football ma jeżistix mingħajr dawn iż-żewġ naħat. Dan huwa kumpless wieħed li huwa speċifiku għal din  il-logħba u lili  ma jdejjaqnix, għax hekk biss  nistgħu  nagħtu  l-emozzjoni lil din il-logħba.”

B’dawn il-kelmiet Karel Bruckner temm il-konferenza stampa u ġibed il-ħabel tas-siparju ta’ karriera twila. Nimmaġina li mil-lum, Bruckner intefa’ fid-dar tiegħu f’Olomouc, jilgħab iċ-ċess u jifraħ b’ulied uliedu. Sbohem, Karle!

Aqbad ħwejġek u itlaq

Fi tmiem din il-ġimgħa se nkun qiegħed naqra erba’ poeżiji li ktibt apposta għal attivita’ li se ssir fil-Barrakka ta’ Fuq, imsejħa l-WorldFest. It-tema ta’ din l-edizzjoni tal-WorldFest hija l-kummerċ ġust u l-ambjent. Minbarra jien se jaqraw ukoll Adrian Grima u Rouage, u l-gruppi mużikali Zizza Ensemble u Trania. WorldFest2008

Biex ktibt il-poeżiji appost għal din il-lejla qrajt mhux ħażin dwar il-bidla fil-klima u s-sħana globali. Nistqarr li l-interess fil-bidla fil-klima ma bediex issa minħabba din il-lejla. Kont intrigat bi storja li qaltli l-mara tiegħi dwar grupp ta’ orsijiet fil-forest Slovakki li jum minnhom fl-eqqel tax-xitwa qamu kollha mingħalihom li x-xitwa kienet għaddiet u kien sarilhom il-ħin li jqumu għall-ikel u għall-istaġun tar-rebbiegħa. Lakemm ma tinstemax tad-daħq l-istorja. Sakemm imbagħad tibda tifhem l-implikazzjonijiet tagħha.

Stejjer bħal din tista’ taqra kemm trid. U m’hemmx għalfejn taqra wisq. Min għandu l-eta’ tiegħi jiftakar kemm konna nistennew lil missierna ġej mix-xogħol fis-siegħa ta’ wara nofsinhar biex jeħodna l-baħar. Ħadd minna qatt ma ħassu ħażin bix-xemx u ħadd minna qatt ma sema’ avviżi fuq ir-radju biex jibqa’ ġewwa bejn il-ħdax u l-ħamsa. U l-bajjiet kienu jkunu mimlija sa ruħ ommhom għax ħin l-għawm kien appuntu wara l-ikel. U nistgħu niftakru wkoll kif ma’ Ottubru konna naqilbu għall-uniformi tax-xitwa u sal-Milied konna nkunu xbajna ntertru bil-bard.

U llum l-istorja hija differenti ħafna.

La Jegħrqu l-Kiribati

Iżda l-aktar storja li laqtititni – u laqtitni tassew – kienet id-diskors li Anote Tong (il-President tal-Kiribati) għamel fi New Zealand fil-5 ta’ Ġunju li għadda, appuntu l-Jum Dinji għall-Ambjent. Il-Kiribati kienu l-ewwel nazzjon li sebħu fil-millennju l-ġdid tmien snin u nofs ilu u għal din ir-raġuni kienu spiċċaw fuq fomm ħafna nies. Id-diskors ta’ Tong kellu l-mira li jerġa’ jpoġġi lill-Kiribati fuq fomm kulħadd, did-darba minħabba aħbar kerha u stramba li ta: il-bidla fil-klima tant effettwat b’mod negattiv lin-nies ta’ dawn l-inħawi li fi ftit żmien se jkollhom jagħmlu sorra u jitilqu.

Tong qiegħed jitlob l-għajnuna internazzjonali biex jitwettaq pjan ta’ evakwazzjoni tal-popolazzjoni kollha tal-gżejjer tal-Kiribati minħabba li l-livell tal-baħar għola tant li l-gżejjer qegħdin jegħrqu. Ħafna abitanti kellhom jinġabru f’arja densa ħafna minħabba li diġa’ hemm naħiet li għerqu u l-ħażna ta’ l-ilma (limitata ħafna għax ilha ma tagħmel xita tliet snin) qiegħda tiġi kkontaminata mill-ilma mielaħ tal-baħar.

Bażikament in-nies tal-Kiribati se jispiċċaw refuġjati minħabba l-bdil tal-klima. Gradwat mil-London School of Economics, il-president Tong kien rappurtat li qal li niesu lanqas jistgħu jemmnu li waslu f’din l-estremita’. Is-soltu nisimgħu bir-refuġjati li jitilqu minn pajjiżhom minħabba ġlied u gwerer, jew minħabba xi diżastri naturali bħal terremoti u marimoti. Dak li se jkollhom jagħmlu l-abitanti tal-Kiribati mhux żgur għandu preċedent. X’ħasra, ikompli Tong, li hemm ħafna mexxejja ta’ pajjiżi li għalissa m’humiex ibatu mill-bdil fil-klima li qegħdin iġibu l-ekonomija ta’ pajjiżhom qabel il-bżonnijiet tal-pjaneta kollha kemm hi. Tong ma semma ebda ismijiet imma min għandu widnejh ħa jisma’.

Is-Seħer Misħut tas-Saħara

Mhux l-ilma biss qiegħed jimxi fuq l-art: anki r-ramel. Iltqajna ma’ Seim, refuġjat mill-Eritrea, li rrakkuntalna l-istorja tal-Port ta’ Massawa u tal-villaġġi viċin li r-ramel tas-Saħara, li jaqsam il-Baħar l-Aħmar, qiegħed jidfen ftit ftit. Mhux hekk biss, imma hemm ukoll bdiewa Maltin li qegħdin jinnutaw li l-istess deżert tiela’ ftit ftit anki fuq Malta: ir-ramel tiegħu qiegħed jeffettwa l-ħamrija u l-uċuħ Maltin.

Quddiem għajnejja nara dan ix-xenarju Apokalittiku ta’ dinja fejn il-baħar jitħallat mar-ramel u l-art mgħarrqa taħthom it-tnejn.

Imbagħad xiħadd (min eżattament tgħid?) irid jibni diskoteka fil-Mistra! X’nitnejku mill-ħaxix u s-siġar; mit-tniġġiż tal-karozzi li jġorru liż-żeffiena tad-diskoteka SPIN? X’nitnejku mit-tniġġiż tal-ħoss u tad-dawl? L-aqwa li jkollna fejn nirrokkjaw u wara mmorru nieħdu waħda ta’ malajr maġenb il-baħar.

Ma tridx għerf, ma tridx wisq skola

Sabiex tkejjel l-ultra-vjola,

Sabiex tisma’ t-tfal bis-sogħla

Jew biex tħoss il-baħar jogħla.

Ilma għal min m’għandux għatx

L-Amnesty International ħadmet video (xokkanti) li fih jidher re-enactment ta’ mezz ta’ tortura li l-Amerikani qegħdin jużaw fuq nies li qatgħuhom terroristi. Jekk għandek l-istonku tista’ tara l-video hawn isfel.

Ix-xokk jikber meta tiftakar li din it-tortura mhux biss qiegħda sseħħ fl-era tal-liberta’ u tad-drittijiet umani, imma li qiegħda ssir bil-barka ta’ xiħadd li saħansitra, fil-privatezza ta’ l-uffiċċju tiegħu talab mal-Papa għall-bżonnijiet tal-familja.

L-ilma, xi darba, kien simbolu tal-ħajja. Użawh diversi reliġjonijiet, diversi poeti, diversi artisti. In-nuqqas tiegħu qajjem kunflitti u ġlidiet kbar; qajjem kuxjenzi wkoll. Tħares lejh minn liema lat trid, l-ilma dejjem ħarisna lejh bi gratitudni, b’rispett u b’reverenza. Imma, it-teknokrati tat-terrur u tat-tortura, ittradew it-tradizzjoni. Il-qtar ta’ l-ilma sar martirju għal dawk li jsibu rwieħhom mimdudin fuq mejda iebsa, b’idejhom u saqajhom marbutin, b’ħalqhom miftuħ beraħ, b’għonqhom magħfus, b’għajnejhom imberrqin u b’nifishom maqtugħ.

Jekk għandek l-istonku, ara l-video. U jekk għandek ruħ agħfas il-link ta’ taħt. Uri d-diżapprovazzjoni. Uri li int ċittadin denju tal-pjaneta, membru umli ta’ l-umanita’.

 unsubscribe from human rights abuse in the war on terror

Il-Media

Il-każ ta’ Max Mosley reġa’ qajjem diskussjoni fuq it-tabloids Ingliżi, speċjalment il-verżjonijiet online tagħhom, dwar safejn għandha dritt tasal il-media.

Ma nimmaġinax li hawn xiħadd li ma semax bil-każ ta’ Mosley u bil-logħob sesswali tiegħu. Video ta’ waħda minn dawn il-logħbiet spiċċa fuq in-News of the World u min-News of the World spiċċa fuq kull fil ta’ l-internet li jxandar l-aħbarijiet. In-News of the World, li tħobb tippubblika dawn, ikkundannat lil Mosley għall-“perverżjonijiet sesswali” tiegħu. Miniex se nidħol fil-mertu jekk Mosley huwiex pervers jew jissodisfax is-sesswalita’ tiegħu b’modi kreattivi; id-dinja perversa hija reġjun mudlam ħafna u diffiċli taqta’ linji bejn perversita’ u kreattivita’. Ngħid għalija ddarrast bil-parodija ta’ Auschwitz, u kont naf Mosley bin min kien u bit-tendenzi politiċi tiegħu.

Il-mistoqsija hija jekk il-media għandhiex id-dritt ixxandar il-logħob sesswali ta’ nies li qegħdin jieħdu gost fil-privat fil-paġni tagħha.

U l-mistoqsija l-oħra hija: kemm għandha dritt tkun b’saħħitha l-media? Minn meta bdejna nippretendu li l-media hija ‘untouchable’? Minn meta bdejna nħossu li kull tip ta’ ċensura huwa kundannabbli? U għala naħsbu hekk? X’kien dak il-proċess li wassal biex il-media ssir sagra aktar mir-reliġjon? Il-każ tal-karikaturi tal-Profeta wera li saħasitra l-karikaturi saru sagri aktar mill-profeti u l-allat.

L-istess proċess jidher li seħħ jew qiegħed iseħħ f’Malta. It-tħejjijiet għall-elezzjoni ta’ kap Laburista ġdid qegħdin jiġu segwiti, jekk mhux ukoll skurtinizzati, mill-mezzi tax-xandir lokali, uħud aktar minn oħrajn. Għax il-kap elettorali Laburista, f’kummenti li ta, fettillu jgħid li ċerti ħwejjeġ marbutin ma’ din l-elezzjoni huma “affarijiet interni tal-Partit” ġie akkużat b’ċensura u b’għeluq; u l-akkużi skuraw aktar meta l-istess proxxmu fettillu jorbot lil dawk li beħsiebhom jikkontestaw għall-kariga li ma jitkellmux mal-mezzi tax-xandir. B’reazzjoni għal dan bdew għaddejjin akkużi ta’ dittatorjati, retrogradazzjoni, għeluq u x’naf jien. Lill-media trid tgħidilha kollox, anki ma’ min torqod bil-lejl, u jekk ma tgħidilhiex ibqa’ fiċ-ċert li tkun taf xorta waħda.

Li niskanta huwa li ċerti rkejjen, ngħidu aħna ċerti bloggs li jkunu prontissimi jikkritikaw lil-Labour għax “mhuwiex miftuħ”, għadhom ma semmew xejn dwar il-każ ta’ Pullicino Orlando. Donnu li f’ċerti każi l-media tagħmel sew tibqa’ b’ħalqha magħluq. Nixtieq naf x’reazzjoni se jkun hemm għall-fatt li l-bieraħ Lawrence Gonzi kellu laqgħa ma’ l-uffiċjali tal-MEPA u, oħroġ il-għaġeb, Gonzi li jemmen bit-trasparenza u l-bloggs u l-komunikazzjoni bl-internet, irrifjuta li jagħti kummenti lill-media. U dawk il-bloggs li ma ħarġu jgħidu xejn fuq il-każ JPO (ħlief għal serje ta’ apoloġiji QABEL l-elezzjoni) għadhom (sal-ħin li qed tinkiteb dil-bloggata) ma ħarġu jgħidu xejn fuq l-attitudni magħluqa ta’ Gonzi fir-rigward tal-każ JPO/Mistra.

Il-kontroll ta’ l-imħuħ jista’ jsir anki permezz tas-silenzju, m’għandniex xi ngħidu. U kif wera Foucault, il-ftuħ u l-liberta’ fil-kelma (mhux tal– kelma) jistgħu jkunu wkoll mezz effikaċi ta’ kontroll.